Futbol Sport

Floriana FC Nursery se torganizza Summer Camp b’kollaborazzjoni ma’ Cagliari Calcio

Floriana FC Nursery b’kollaborazzjoni mat-tim tas-Serie A Cagliari Calcio, se jorganizzaw Summer Camp bejn id-9 u l-15 ta’ Settembru fil-pitch ta’ Floriana. Dettalji ngħataw f’konferenza stampa mill-President tan-Nursery Hugh Peralta, is-Segretarju Joe Debattista u Alessio Buccaioni minn Cagliari Calcio.

Dan is-Summer Camp qed isir b’kollaborazzjoni ma’ Wes Trade Limited, kumpanija tal-kummerċ reġistrata f’Malta b’azzjonisti Taljani. Din il-kollaborazzjoni tista’ twassal biex fil-futur, plejers ta’ Floriana jkun jista’ jkollhom opportunità ma’ Cagliari.

Għal dan is-Summer Camp se jkunu preżenti f’pajjiżna Mattia Belfiori u Carlo Cancellieri, żewġ kowċis professjonali ta’ Cagliari. Huma se jagħtu sessjonijiet ta’ sagħtejn filgħodu u sagħtejn waranofsinhar b’tema speċifika kuljum.

Fil-passat in-nursery ta’ Floriana kellha lil Justin Haber, Etienne Barbara, Andrè Schembri, Conor Borg u Myles Beerman li lagħbu barra l-pajjiż, b’Chris Farrugia jinsab ma’ Sheffield United filwaqt li Leo Agius se jkompli jilgħab ma’ KVC Westerlo.

Is-Summer Camp hu miftuħ għal bniet u subien bejn is-seba’ snin u l-14-il sena, u anki għal dawk li ma jattendux in-nursery ta’ Floriana. Il-prezz u l-għeluq tal-applikazzjonijiet għadhom iridu jiġu stabbiliti. Għal aktar dettalji jista’ jsir kuntatt mal-President Hugh Peralta fuq 99432415 jew b’email fuq hperalta@hughperalta.com.