Sport Sport Ieħor

Froome jirritorna d-dar wara kważi xahar l-isptar

Chris Froome qal li se jkun qed isegwi t-Tour de France mis-sodda tiegħu wara li rritorna fid-dar tiegħu biex jibda r-rijabilitazzjoni tiegħu wara l-ħabta li ħalliet effetti kbar fuqu. Froome li għandu 34 sena, kiser għonqu, il-minkeb, il-kustilji, ġenbu u l-għadma bejn ġenbu u l-irkoppa fl-inċident li seħħ fit-12 ta’ Ġunju.

“Hu ta’ diżappunt kbir li mhux se nkun fit-Tour imma ħadt nifs li fl-aħħar ħriġt mill-isptar u qiegħed id-dar. Se nsegwi l-azzjoni kollha mid-dar.” Froome ħabat ma’ ħajt waqt li kien għaddej b’veloċità ta’ 54km fis-siegħa, meta neħħa id parzjalment minn fuq ir-rota u b’kawża ta’ riħ qawwi tilef il-kontroll waqt il-Criterium du Dauphine.

Froome kien qed jipprova jilħaq ir-rekord u jirbaħ it-Tour de France għall-ħames darba. Il-kap ta’ Team Ineos qal li dan hu pass kbir għal Froome u kkonferma li rnexxielu jitfa’ siequ mal-art għall-ewwel darba wara ftit taż-żmien.