Lokali

Jobs għad-deputati tal-Gvern “iridu jispiċċaw”

Il-Kummissarju għall-Istandards dwar il-prattika li membri tal-Parlament jingħataw karigi mal-Gvern

Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika George Hyzler ħareġ rapport li jgħid li l-prattika li deputati parlamentari “backbenchers” jingħataw impiegi jew konsulenzi mal-gvern għandha tispiċċa. Ir-rapport jiddeskrivi din il-prattika bħala “fundamentalment ħażina”.

Fi stqarrija maħruġa mill-Uffiċju tiegħu, il-Kummissarju kkonkluda li din il-prattika ddgħajjef ir-rwol tal-Parlament fl-iskrutinju tal-eżekuttiv; tmur kontra l-prinċipji li l-Kostituzzjoni hija mibnija fuqhom; tmur kontra l-kodiċi ta’ etika ta’ impjegati pubbliċi u membri ta’ bordijiet; iġġib id-deputati parlamentari dipendenti finanzjarjament fuq il-gvern u b’hekk tnaqqas l-indipendenza tagħhom; tiddiskrimina bejn deputati min-naħa tal-gvern u tal-oppożizzjoni u tagħti vantaġġ lid-deputati tal-gvern fuq dawk tal-oppożizzjoni; tippolitiċizza entitajiet statutorji u timmina l-indipendenza tagħhom mill-gvern tal-ġurnata; taggrava l-prattika dubjuża tal-ħatra ta’ persuni ta’ fiduċja, li tista’ tkun kontra l-artikolu 110 tal-Kostituzzjoni; u toħloq karigi bla bżonn, jew inkella timla karigi ġenwinament bżonnjużi b’persuni li mhumiex l-aħjar għal dak ix-xogħol, bi ksur tal-prinċipji tat-trasparenza u l-meritokrazija.

Barra minn dan, jista’ jkun li l-ingaġġ ta’ deputati parlamentari bħala persuni ta’ fiduċja jmur kontra l-artikolu 55(1)(g) tal-Kostituzzjoni, għalkemm hija l-Qorti Kostituzzjonali li tista’ tiddeċiedi dwar dan.

Fl-investigazzjonijiet tiegħu il-Kummissarju sab li d-deputati backbenchers tan-naħa tal-gvern kollha ġew impjegati jew ingaġġati mal-gvern, direttament jew indirettament.

Il-Kummissarju jkompli jgħid li fil-biċċa l-kbira tal-każi, id-deputati ġew impjegati jew ingaġġati mal-gvern wara li ġew eletti. Dawn id-deputati għandhom ħatriet bħala “persuni ta’ fiduċja” jew fuq “kuntratti ta’ servizz” f’ministeri, jew bħala chairpersons jew membri tal-bordijiet tad-diretturi ta’ awtoritajiet pubbliċi, jew inkella ġew mogħtija kuntratti bħala konsulenti ma’ ministeri jew awtoritajiet pubbliċi.