Lokali

Għaqdiet internazzjonali jesprimu appoġġ mal-Kamra tal-Periti

Għaqdiet internazzjonali tal-periti fl-aħħar sigħat esprimew l-appoġġ tagħhom mal-Kamra tal-Periti f’Malta fi stqarrijiet separati li għamlu.

Il-President tal-Union of the Mediterranean Architects (UMAR) Wassim Naghi qal li l-25 Assemblea Ġenerali li saret f’Ruma esprimiet l-appoġġ tagħha għall-isforzi kontinwi tal-Kamra tal-Periti tul dawn l-aħħar tliet ġimgħat biex tassigura li l-professjoni tibqa’ ssalvagwardjata. Dan wara d-dħul ta’ regolamentazzjoni ġdida li skont Naghi ddaħlet ta’ malajr u b’mod li jidher li kien nuqqas ta’ perjodu ta’ konsutazzjoni adegwat.

Il-Union faħħret ukoll il-pożizzjoni tal-Kamra tal-Periti li qed titlob lill-Gvern sabiex jalloka riżorsi adegwati lir-regolatur biex ikun jista’ jiffunzjona kif suppost.

Minn naħa tiegħu, Thomas Vonier, il-President tal-International Union of Architects (UIA) ukoll esprima l-appoġġ għall-isforzi tal-Kamra tal-eritit sabiex ma tassumix fuqha responsabbiltajiet għal servizzi provduti lil partijiet terzi, hekk kif ġew elenkati fl-avviż legali 136 tal-2019.

Il-Kamra tal-Periti għadha għaddejja b’diskussjonijiet mal-Gvern dwar dan l-avviż legali u qed tinsisti li għad hemm numru ta’ punti li jridu jinbidlu fl-interess tas-sigurtà tal-pubbliku, kif ukoll fl-interess tal-professjoni, tal-kuntratturi u tal-iżviluppaturi.