Formula 1 Sport

Il-Grand Prix tal-Awstralja se tiftaħ l-istaġun 2020

L-istaġun tas-sena d-dieħla tal-Formula 1 se jibda fil-15 ta’ Marzu bil-Grand Prix tal-Awstralja. Din se tkun il-25 darba li Melbourne se torganizza tellieqa ta’ dan l-isport u se timmarka l-bidu tas-70 sena anniversarju tal-Formula 1.

Iċ-chairman tal-Formula 1 Chase Carey qal li ċ-ċirkwit f’Albert Park hu wieħed mill-aktar popolari fil-kalendarju u saħaq li m’hemmx post aħjar biex jibda l-istaġun 2020. Din id-data tħabbret mingħajr ma ngħataw aktar dettalji dwar il-kalendarju tas-sena d-dieħla.

Żgur li l-Formula 1 se jkollha żewġ ċirkwiti ġodda fl-2020 hekk kif diġà tħabbar ir-ritorn tal-Grand Prix tal-Olanda f’Zanvoort u tellieqa ġdida fil-kapitali Vjetnamiża Hanoi. Mill-kalendarju eżistenti hemm dubju dwar erba’ tlielaq, hekk kif il-kuntratt taċ-ċirkwiti tal-Ġermanja, il-Gran Britannja, il-Messiku u Spanja jiskadi fi tmiem is-sena.

L-aħħar aħbarijiet qed jindikaw li tal-anqas tnejn minnhom mistennija jitilfu posthom fil-kalendarju u b’hekk it-total ta’ tlielaq għas-sena d-dieħla se jkun ta’ 21. Spanja u l-Ġermanja jidhru l-aktar tlielaq f’riskju li jitilfu posthom filwaqt li l-gvern Messikan esprima t-tħassib dwar it-tkomplija tal-Grand Prix.

Is-sitwazzjoni tal-Gran Britannja hi differenti minħabba li l-Formula 1 kienet qrib li taqbel fuq kuntratt ġdid iżda l-British Racing Drivers Club qed jittratenu milli jiffirmaw il-kuntratt wara li t-tmexxija tal-Formula 1 kienet stqarret ix-xewqa li ssir tellieqa fit-toroq ta’ Londra.

Il-kuntratt tal-Grand Prix tal-Italja jiskadi wkoll din is-sena iżda l-Formula 1 ħabbret f’April li għadda li ntlaħaq ftehim fil-prinċipju għal kuntratt sal-2024, għalkemm il-kuntratt għadu mhux iffirmat. Dubju jeżisti wkoll fuq il-Grand Prix tal-Brażil wara li l-President tal-pajjiż Jair Bolsonari qal li t-tellieqa se timxi għal ċirkwit f’Rio de Janeiro mis-sena d-dieħla, minkejja li ċ-ċirkwit ta’ Interlagos f’Sao Paulo għad fadallu sena kuntratt.