It-tqegħid ta’ bukkett fjuri fl-istazzjon tal-metro ta’ Maelbeek fiċ-ċentru ta’ Brussel kien l-ewwel ġest tal-President il-ġdid tal-Parlament Ewropew David Maria Sassoli.
Hu ried ifakkar mhux biss it-32 vittma ċivili li tilfu ħajjithom dakinhar, iżda l-vittmi kollha Ewropej ta’ vjolenza u terroriżmu, kif ukoll il-qraba tagħhom.
L-attakk fuq l-istazzjon ta’ Maelbeek seħħ fit-22 ta’ Marzu tal-2016 u kien it-tieni attakk fi Brussell wara dak tal-1979 fejn l-IRA attakkat l-armata Ingliża – attakk li ħalla 18-il vittma.
F’kumment qasir li ta lill-media, il-President tal-Parlament Ewropew qal li propju fi-bidu tal-ħidma tiegħu f’din il-kariga għolja, hu ried li b’dan il-ġest simboliku jfakkar f’dawk kollha li sfaw martri u fil-qraba tagħhom.
Sassoli qal li jeħtieġ li l-Ewropa tkun magħquda kontra l-vjolenza u t-terroriżmu.
David Maria Sassoli nħatar President tal-Parlament Ewropew aktar kmieni din il-ġimgħa fi Strasburgu minn fost 4 kandidati li tefgħu n-nomina għal din il-kariga.
Hu kien ilu Membru Parlamentari Ewropew għal-10 snin fejn qabel kien ġurnalist mal-istazzjon televiżiv Taljan RAI.
Sassoli se jokkupa din il-kariga għas-sentejn u nofs li ġejjin, jiġfieri għall-ewwel nofs tal-legislatura l-ġdida tal-Parlament Ewropew.
//= $special ?>