Futbol Sport

Ir-rebbieħa tal-aħħar edizzjoni l-Kamerun u l-organizzaturi l-Eġittu eliminati mit-Tazza Afrikana

Ir-rebbieħa tal-aħħar edizzjoni l-Kamerun kienu eliminati mit-Tazza tan-Nazzjonijiet Afrikani b’telfa ta’ 3-2 kontra n-Niġerja. B’hekk huma temmew it-tama tal-avversarji li jirbħu l-kompetizzjoni għat-tieni edizzjoni konsekuttiva, f’dik li kienet l-aħjar prestazzjoni tan-Niġerja sa issa.

Odion Ighalo kien poġġa lin-Niġerja minn fuq fid-19-il minuta b’xutt minn pożizzjoni ċentrali li kien imxellef. Il-Kamerun ġabet id-draw fil-41 minuta bi kross mix-xellug ta’ Christian Bassogog isib lil Stephane Bahoken li minn quddiem il-lasta kompla l-ballun għal ġewwa. Il-Kamerun saħansitra daħlet tistrieħ fil-vantaġġ b’Clinton N’Jie jirbaħ dwell u avvanza fil-kaxxa biex skorja b’xutt fil-baxx.

In-Niġerja ġabet id-draw fit-63 minuta meta reġa’ kien Odion Ighalo li wera opportuniżmu biex għeleb lil Andre Onana b’xutt mill-ewwel u mill-viċin. Il-gowl tar-rebħa ġie skorjat proprju tliet minuti wara b’Ighalo jgħaddi l’ quddiem lejn Alex Iwobi li skorja b’xutt fil-baxx mill-kaxxa.

L-organizzaturi l-Eġittu wkoll kienu eliminati wara telfa ta’ 1-0 kontra l-Afrika ta’ Isfel f’dik li tista’ tkun meqjusa bħala sorpriża. Il-gowl deċiżiv wasal fil-85 minuta meta minn kontrattakk, Lebo Mothiba qassam lejn Thembinkosi Lorch li bil-kalma kollha skorja b’xutt għar-rokna u sikket il-partitarji Eġizzjani fil-Cairo International Stadium.

Fażi tal-aħħar 16

Il-Ġimgħa: Marokk v Benin 1-1 (Il-Benin rebħet 4-1 bil-penalties), Uganda v Senegal 0-1

Is-Sibt: Niġerja v Kamerun 3-2, Eġittu v Afrika ta’ Isfel 0-1

Il-Ħadd: Madagascar v Kongo 6.00pm, Alġerija v Guinea 9.00pm

It-Tnejn: Mali v Kosta tal-Avorju 6.00pm, Ghana v Tuneżija 9.00pm