Lokali

Issib il-karozza miksija f’borża! Għaliex?

Mhux xena komuni li tqum u ssib il-karozza tiegħek f’borża tal-plastik! Dan huwa dak li ġara lil Antonella Rogers, illi fuq Facebook spjegat din l-esperjenza mhux tas-soltu li għaddiet minnha illum.

Hi qalet illi ma ratx li fil-lejl ta’ qabel twaħħlet karta biex ma jiparkjawx f’din it-triq. “Dawn in-nies flok ġew jaqgħu u jqumu u mlewli l-karozza biż-żebgħa, ħasbu fija u għatewli l-karozza.”

Hi apprezzat ħafna dan il-ġest u qalet illi mank li kulħadd jimxi hekk.

Din il-post fuq Facebook ġabet magħha reazzjonijiet kbar, b’uħud jgħidu li verament hawn nies twajba mhux ħżiena biss, għaliex il-biċċa l-kbira l-ħażin biss isemmu. Oħrajn qalu li tajjeb f’okkażjonijiet bħal dawn inkunu nafu min hu l-kuntrattur ħalli jgħidulu prosit ta’ dan il-ġest.