Futbol Sport

Jitkeċċa Messi fir-rebħa tal-Arġentina fuq iċ-Ċili fil-Copa America

(Ritratt: EPA)

Lionel Messi tkeċċa fl-ewwel taqsima hekk kif l-Arġentina għelbet liċ-Ċili 2-1 u b’hekk temmet il-Copa America fit-tielet post. L-inċident seħħ fil-35 minuta meta l-captain Ċilen Gary Medel biegħed ballun qrib ix-xibka tiegħu, Messi daħal daħla minn wara u Medel irreaġixxa billi mbotta u għolla jdejh. Ir-referee keċċa lil Medel kif ukoll lil Messi minkejja li ma wettaq l-ebda reazzjoni.

Din kienet it-tieni karta ħamra fil-karriera ta’ Messi, bl-ewwel waħda wkoll tasal mal-Arġentina fid-debutt tiegħu kontra l-Ungerija lura fl-2005. Ir-referee wera wkoll seba’ karti sofor f’logħba li kien fiha 37 fawl.

Sergio Aguero poġġa lill-Arġentina fil-vantaġġ wara 12-il minuta, b’Paulo Dybala jirdoppja għaxar minuti wara meta rċieva passaġġ tajjeb ta’ Giovani Lo Celso. Arturo Vidal naqqas id-distakk minn penalty mas-siegħa logħob.