Lokali

Kunsillier Laburist jgħajjar lil ambjentalista ‘stupida’ wara kontroversja dwar tfigħ ta’ ilma kkontaminat

Fl-aħħar sigħat, inqalgħet kontroversja sħiħa fuq il-midja soċjali hekk kif beda jixxerred filmat ta’ raġel inaddaf il-frejgatina tiegħu, bl-ilma kkontaminat nieżel fil-baħar.

Il-kunsillier Laburist għal Marsaxlokk, Daniel Zerafa, iddefenda lir-raġel pubblikament fuq il-midja soċjali f’kumment li tefa’, fejn qal lill-mara li tefgħet il-filmat biex tagħti każ biss l-affarijiet tagħha u ma tindaħalx f’affarijiet li ma tafx biżżejjed dwarhom.

Min-naħa tagħha, l-ambjentalista Cami Appelgren ireaġixxiet għall-messaġġ tal-kunsillier, fejn ikkwotat il-liġi u spjegat illi dan ir-raġel kien qed jikser il-liġi. Hi qalet illi d-dmir tal-kunsillier, bħala parti mis-servizz pubbliku tiegħu, għandu jirrapporta dan il-ksur ta’ liġi minflok jaċċettah u jaqbeż għal dan l-individwu.

Il-kunsillier Daniel Zerafa tefa’ r-reazzjoni tiegħu għal dak li ntqal dwaru minn Appelgren, fejn qal illi l-barranin qegħdin jikkontrollaw lill-Maltin.

Zerafa żied jgħajjar lil Appelgren ‘stupida’ u li hi tagħmel dak li tagħmel b’daqq it-trombi.

Hu ammetta illi t-tfigħ tal-ilma kkontaminat fil-baħar huwa ħażin, iżda qal illi Cami Appelgren qiegħda tidħol f’ħafna rqaqat li jintervjenu max-xogħol ta’ kuljum tar-raħal ta’ Marsaxlokk. Għal darboħra huwa qal, din id-darba lil Appelgren, biex tagħti kas l-affarijiet tagħha u ma tindaħalx.