Ikomplu l-battibekki mal-Ministru għall-Intern Taljan Matteo Salvini. Dan hekk kif is-Sea-Eye qalet li mhux se tkun intimidata minn Salvini. Filfatt se tkompli l-vjaġġ tal-bastiment Alan Kurdi b’65 immigrant lejn Lampedusa.
F’post fuq facebook, l-Għaqda sostniet li liġi tal-baħar tapplika anke jekk bħal f’dan il-każ, rappreżentanti governattivi ma jaqblux ma’ dan.

Il-każ feġġ ilbieraħ meta 65 immigrant ġew salvati mill-bastiment Alan Kurdi tal-għaqda Sea Eye. Sal-bieraħ kien għadu mhux ċar fejn se jiżbarkaw dawn l-immigranti peress li l-portijiet Taljani huma imblukkati fuq ordni diretta tal-Ministru Salvini.
Però jidher li xorta se jagħmlu ta’ rashom u jippruvaw jidħlu f’Lampedusa.
Ftit tal-ħin ilu s-Sea Eye qalet li qed jistennew fl-ilmijiet barra mill-gżira ta’ Lampedusa. Persuna mill-Guardia di Finanza wassal digriet ta’ Salvini fejn jistqarr li l-port huwa magħluq.
L-għada tas-salvataġġ ta’ 54 immigranti ieħor li jinsabu fuq il-bastiment Alex fejn tlettax minnhom fosthom nisa u tfal diġà twasslu l-art, Malta aċċettat li ddaħħal l-immigranti l-oħra. Iżda l-NGO qed issostni li mhumiex mgħammra biżzejjed biex jivvjaġġaw lejn pajjiżna. Filfatt, l-41 immigrant iddaħħlu fil-port ta’ Lampedusa tul il-ġurnata tas-Sibt, minkejja l-insistenza ta’ Salvini biex ma jidħlux.


