Futbol Sport

L-Iżvezja ttemm it-Tazza tad-Dinja fit-tielet post b’rebħa fuq l-Ingilterra

(Ritratt: EPA)

L-Iżvezja temmet it-Tazza tad-Dinja fit-tielet post wara li rebħet 2-1 kontra l-Ingilterra. L-Iżvediżi kienu ġejjin minn telfa ta’ 1-0 fil-ħin barrani kontra l-Olanda filwaqt li l-Ingilterra tilfet kontra l-Istati Uniti 2-1.

L-Iżvediżi fetħu l-iskor wara 11-il minuta meta Kosovare Asllani skorjat b’xutt fil-baxx, bil-gowlkiper Carly Telford tmiss biss il-ballun li ħabat mal-wieqfa qabel daħal fix-xibka. L-iskor sar 2-0 fit-22 minuta b’Sofia Jakobsson tiskorja b’xutt sabiħ għar-rokna.

It-tim ta’ Phil Neville naqqas id-distakk fil-31 minuta b’Fran Kirby tidħol fil-kaxxa fuq in-naħa leminija, ġibdet il-ballun għan-nofs u skorjat b’xutt fil-baxx għar-rokna. Qabel tmiem l-ewwel taqsima huma kienu għoddhom ġabu d-draw iżda l-gowl ta’ Ellen White tħassar minħabba li messet il-ballun b’idejha.

L-Iżvezja żammet il-vantaġġ minimu sa tmiem il-logħba biex spiċċat mal-ewwel tlieta għar-raba’ darba filwaqt li għat-tim Ingliż dan kien pass lura mit-tielet post miksub erba’ snin ilu fil-Kanada.