Lokali

Marċi fid-dlam…u kulħadd jonfoħ bis-sħana

Matul din il-ġimgħa, diversi bliet u rħula f’pajjiżna spiċċaw bla dawl – għal darba, darbtejn, tlieta.

Fost dawn, il-lokalità tar-Rabat – fejn f’dawn il-ġranet il-komunità Pawlina qed tiċċelebra l-festa tal-patrun tagħha.

Qtugħ ta’ dawl li naturalnment effettwa ċ-ċelebrazzjonijiet fir-Rabat hekk kif fost l-oħrajn il-marċ tal-Ġimgħa ħareġ fid-dlam.

Iżda l-festa mhux l-unika ħaġa li ġiet effettwata hekk kif dan il-qtugħ ħalla lil ħafna Maltin jonfħu bis-sħana, mingħajr arja kundizzjonata jew fannijiet biex itaffu xi ftit mil-longa u l-iskumdità li jġibu magħhom il-jiem ta’ Lulju.

Dan ukoll naturalment minbarra l-inkwiet ta’ ħafna għall-ikel li jkollhom maħżuna fil-fridges u l-freezers, u għall-ħsara li jsofru ċertu appliances meta jkun hemm qtugħ ta’ dan it-tip b’mod frekwenti.

Wieħed kien jistenna li bil-powerstation il-ġdida tal-gass, li skont Gvern Laburista kienet meħtieġa biex tlaħħaq mad-domanda fis-suq, dan it-tip ta’ qtugħ ma jseħħx. Madankollu, kif qed naraw, dan mhux il-każ, hekk kif min spiċċa fil-marċ fid-dlam, u min spiċċa bla charge fil-mobile, bla ċans li mqar jorqod komdu fis-sħana tal-lejl sajfi Malti, minghajr xejn ma jtaffi mit-temperaturi għoljin.