Lokali

FILMAT: Nhar it-Tlieta l-75 anniversarju mill-ewwel purċissjoni bil-vara ta’ San Sebastjan

Din is-sena timmarka l-75 anniversarju mill-ewwel purċissjoni tal-vara tal-Istatwa ta’ San Sebastjan.

Is-Sibt filgħodu nħarġet il-vara min-niċċa tal-Knisja Arċipretali ta’ San Bastjan bi preparazzjoni għall-qofol taċ-ċelebrazzjonijiet li jintlaħqu nhar it-Tlieta 9 ta’ Lulju.

Charles Saliba, co-Chairperson tal-kumitat tal-75 anniversarju, f’kumment spjega s-sinifikat marbut mad-data 9 ta’ Lulju.

Nhar it-Tlieta mistennija ssir quddiesa Arċipretali fis-6pm bil-purċissjoni ssir eżatt wara għall-ħabta tas-7pm.

Il-purċissjoni bil-vara titulari ser tkun qed tintrefa’ madwar it-toroq ta’ Ħal Qormi kif ukoll lejn il-periferija tal-parroċċa ta’ San Ġorġ.

Mistenni wkoll isir mument ta’ talb konġunt bejn l-Arċipriet ta’ San Bastjan u San Ġorġ.

F’dan l-avveniment daqstant simboliku, l-Arċipriet tal-Knisja ta’ San Bastjan Ewkarist Zammit saħaq fuq l-importanza tal-għaqda.

Il-programm jitkompla nhar l-Erbgħa fejn se jsir apprezzament tal-istatwa maħduma minn Ġorġ Borg fuq stil Neo-Klassiku, minn Sandro Debono li huwa l-kuratur ewlieni tal-mużew nazzjonali ‘Muża’.