Futbol Sport

Pogba jrid iħalli lil Manchester United – Mino Raiola

Mino Raiola li hu l-aġent ta’ Paul Pogba qal lil The Times fl-Ingilterra li l-midfielder irid iħalli lil Manchester United. Pogba li għandu 26 sena jinsab assenti mit-taħriġ ta’ qabel il-bidu tal-istaġun, aħbar li minkejja li għandha l-permess tal-manager Ole Gunnar Solskjaer, tkompli żżid mal-ispekulazzjoni dwar il-futur tiegħu.

Ix-xahar l-ieħor, l-istess Pogba kien qal li issa hu l-aħjar żmien biex ifittex sfida ġdida. Raiola qal lil The Times li kulħadd jaf ir-rieda ta’ Pogba li jimxi u żied li jinsabu fil-proċess li jagħmlu dan għaliex kulħadd jaf x’inhuma l-ħsibijiet tal-Franċiż.

Meta mistoqsi jekk l-internazzjonali Franċiż hux se jkun qed jingħaqad mal-kumplament tal-iskwadra għat-tour li għandhom fl-Awstralja, Raiola qal li ma setax iwieġeb għaliex jgħix ġurnata b’ġurnata.

Il-futur ta’ Pogba ilu suġġett għal spekulazzjoni. Ir-rapporti feġġew wara li r-relazzjoni bejnu u l-eks manager ta’ Manchester United Josè Mourinho ma baqgħux fl-aqwa tagħhom. Wara l-bidla fit-tmexxija teknika, il-prestazzjoni ta’ Pogba tjiebu iżda kellu tmiem ta’ staġun negattiv. Hu saħansitra kien qal f’Marzu li Real Madrid kienu l-ħolma ta’ kull plejer.

Il-klabb Spanjol kif ukoll Juventus qed jissemmew li huma interessati f’Pogba, li fadallu sentejn kuntratt mar-Red Devils. Minn meta ngħaqad magħhom fl-2016, Pogba skorja 31 gowl f’135 logħba u rebaħ il-Community Shield, il-League Cup u l-Europa League.