Sport Waterpolo

Sirens jirritornaw għar-rebħ b’wirja pożittiva

(Ritratt: Martin Agius)

SIRENS GREENTUBE……………… 18 EXILES ELIA CATERERS……….. 12

(4-0), (2-4), (6-4), (6-4)

Sirens Greentube telgħu fit-tieni post b’rebħa konvinċenti fuq Exiles Elia Caterers. Il-prestazzjoni tagħhom kienet ferm aħjar mit-telfa kontra Sliema u għajr fażijiet żgħar fil-logħba, dejjem kienu fil-kontroll. Exiles naqsu li jirkupraw minn bidu kajman u ddependew biss fuq il-kwalità tal-barranin.

Sirens kellhom bidu pożittiv b’rebħa ta’ 4-0 fl-ewwel sessjoni. Il-gowls waslu b’żewġ doppjetti ta’ Edward Aquilina u Jerome Zerafa Gregory, bit-tim ta’ Sasko Popovski jiddefendi baxx quddiem il-lasta ta’ Nicky Grixti.

Wara li Luke Caruana għamilhom 5-0, kien hemm reazzjoni ta’ Exiles fit-tieni sessjoni li rnexxielhom jidħlu jistrieħu b’distakk biss ta’ żewġ gowls b’żewġ doppjetti ta’ Milos Vukicevic u Marko Jelaca. Lejn tmiem is-sessjoni, Sirens fallew diversi okkażjonijiet biex ikabbru l-iskor.

Exiles reġa’ kellhom biss partijiet pożittivi mit-tielet sessjoni hekk kif wettqu rimonta żgħira biex minn 9-5 daħlu fil-logħba u għamlu l-iskor 10-8. Dan sakemm is-saħħa tal-barranin ta’ Sirens reġgħet spikkat b’gowls ta’ Christian Presciutti u Valentino Gallo lejn tmiem is-sessjoni. L-aħħar sessjoni kienet bilanċjata b’Sirens jikkontrollaw l-isforzi ta’ Exiles u kellhom iċ-ċans ukoll li jkabbru d-distakk finali għal sitt gowls.

Sirens: N. Grixti, J. Zerafa Gregory (2), C. Presciutti (4), P. Privitera (1), M. Grech, J. Brownrigg (1), I. Riolo (2), V. Gallo (2), J. Napier, E. Aquilina (4), L. Caruana (2), M. Sciberras, G. Galea Curmi, L. Falzon, G. Farrugia

Exiles: M. Castillo, A. Magri, M. Jelaca (5), T. Sullivan (1), S. Xerri de Caro, M. Fenech, K. Griscti, M. Vukicevic (5), A. Cousin (1), N. Paris, P. Paris, M. Martin, S. Apap

Referees: Peter Balzan, Federico Braghini

Rebħa konvinċenti għas-Slimiżi

SLIEMA FRANK SALT……………. 19 MARSAXLOKK BROWN’S………. 9

(4-2), (4-4), (6-2), (5-1)

Rebħa oħra għal Sliema Frank Salt li biha kisbu wkoll it-tielet rebħa bħal Sirens. Għalkemm bla dubju kien ħaqqhom it-tliet punti, ir-riżultat finali jqarraq ftit bl-andament tal-logħba minħabba li kien fl-aħħar sessjoni li Sliema ddominaw, bix-Xlukkajri jarmu x-xugaman wara li bdew l-aħħar sessjoni sitt gowls minn taħt.

Is-Slimiżi kienu kisbu vantaġġ doppju fl-ewwel sessjoni b’doppjetta ta’ Norbert Hoznyansky, Jerome Gabarretta u Nicholas Bugelli, b’Marsaxlokk iġibu d-draw parzjalment u naqqsu d-distakk għal 3-2. Marsaxlokk wieġbu darbtejn għall-gowls tal-avversarji fit-tieni sessjoni u baqgħu fil-logħba wara li Stephen Micallef skorja doppjetta biex naqqas id-distakk għal 8-6.

Doppjetta ta’ Hoznyansky u Michael Spiteri Staines għamlu l-iskor 11-6 sakemm Keith Galea u Ivan Nagaev naqqsu d-distakk għal tliet gowls. It-tim ta’ Sergio Afric neħħa kull dubju mir-rebħa bi tripletta ta’ Gavril Subotic.

B’distakk ta’ sitt gowls, il-logħba saret bla storja b’Marsaxlokk ma jibqgħux kompatti. Sliema ħadu vantaġġ u skorjaw ħames gowls konsekuttivi b’doppjetta ta’ Subotic u tripletta ta’ Gabarretta.

Sliema: J. Parnis, J. Gabarretta (4), G. Subotic (5), J. Sciberras, M. Meli, N. Hoznyansky (4), M. Spiteri Staines (2), L. Galea, B. Cachia, J. Gambin, Z. Mizzi, N. Bugelli (4), M. Vassallo, J. Cutajar, E. Schembri

Marsaxlokk: R. Coleiro, J. Rizzo Naudi, L. Calleja, M. Martellacci, T. Agius (1), J. Galea, A. Vlahovic (3), I. Nagaev (2), S. Micallef (2), R. Scerri, L. Saliba, O. Zammit, F. Buhagiar, M. Pace, K. Galea (1)

Referees: Massimo Angileri, Marco Piano

Valletta waħedhom fil-quċċata tal-Ewwel Diviżjoni

VALLETTA VIDEOSLOTS……….. 18 BIRŻEBBUĠA FREEPORT……….. 14

(5-3), (4-4), (5-3), (4-3)

Ritorn għar-rebħ għal Valletta Videoslots li għelbu lil Birżebbuġa Freeport b’distakk ta’ erba’ gowls u telgħu waħedhom fil-quċċata tal-Ewwel Diviżjoni. Din kienet l-ewwel logħba ta’ Valletta minn meta tneħħa l-kowċ Bogdan Rath, b’Joe Sciortino jieħu t-tmexxija tat-tim.

Kienu Birżebbuġa li ħadu vantaġġ darbtejn fl-ewwel nofs tal-ewwel sessjoni iżda meta Valletta marru minn fuq, qatt ma ntlaħqu mill-avversarji. Kholod kien il-protagonist fl-ewwel sessjoni meta skorja erba’ gowls konsekuttivi, b’Charlie Zammit jagħmilhom 5-2 sakemm David Pace Lupi naqqas id-distakk.

Valletta dehru li se jaħarbu bil-logħba, b’vantaġġ ta’ 8-4 iżda doppjetta ta’ Antonio Petkovic u gowl ta’ David Cutajar naqqsu d-distakk għal gowl. Sasa Misic għamilhom 9-7 fl-aħħar minuta.

Il-Beltin għamlu ċert mit-tliet punti fit-tielet sessjoni b’erba’ gowls konsekuttivi, bit-tim ta’ Pierre Borg jiskorja l-ewwel gowl tiegħu fis-sessjoni b’anqas minn żewġ minuti għat-tmiem. Birżebbuġa baqgħu jittamaw li jevitaw it-telfa hekk kif skorjaw tliet darbiet fl-aħħar minuta u 16-il sekonda.

Valletta bdew l-aħħar sessjoni 14-11 b’James Spiteri Staines fouled-out u Daniel Paolella nieqes fid-difiża. Kholod u Michael Cordina kabbru l-vantaġġ fl-ewwel minuta u nofs biex minn hemm ikkontrollaw sat-tmiem.

Valletta: R. Sciortino, J. Spiteri Staines (1), A. Agius (1), P. Borg (1), A. Bianchi, R. Mock, M. Zammit (1), M. Mifsud, M. Cordina (2), C. Zammit (1), D. Kholod (7), N. Farrugia, R. Bonnici, S. Misic (4)

Birżebbuġa: A. Bugeja, M. Borg, N. Cassar, D. Pace Lupi (1), C. Mifsud, A. Petkovic (5), S. Vassallo, D. Cutajar (2), J. Bajada (1), M. Cutajar (1), A. Goreta (2), M. Ortoleva (2), J. Cremona

Referees: Neville Mercieca, Marco Piano