Wara aktar minn sitt snin, il-Gvern Laburista għadu bla pjan serju u konkret għal-linja nazzjonali tal-ajru l-Air Malta, bir-riżultati issa huma li qed tkompli tikber l-inċertezza fost il-ħaddiema tal-kumpanija, li ma jafu xejn dwar il-futur tagħhom u tal-kumpanija nfisha.
Filwaqt li tul dawn is-snin, il-Gvern Laburista kompla jiżra’ aktar firdiet fil-kumpanija biex joħroġ aktar b’saħħtu hu, il-messaġġ li qed ikompli jingħata hu li hemm problemi serji finanzjarji, ladarba l-Gvern qed jieħu miżuri ‘short-term’ biex ipinġi l-affarijiet tajbin.
Iżda fil-verità, il-miżuri li qed jittieħdu mhux jitwemmnu għax il-ħaddiema jafu sew li l-problemi finanzjarji li għandha l-Air Malta huma kbar u ladarba dawn il-miżuri jieqfu, id-djun mistennija jerġgħu jisparaw ‘il fuq.
Il-gazzetta Il-Mument ikkwotat sorsi li qed jistaqsu kif il-Gvern qed ikompli jżid il-ħaddiema fil-kumpanija, partikolarment minn ċerti distretti elettorali, meta s-sitwazzjoni fl-Air Malta hi dik li hi. Agħar minn hekk, ħadd mhu jikkonsulathom dwar li qed jiġri, inkluża l-GWU, li qisha qed tabdika mir-rwoli tagħha.
L-akbar daqqa riċenti għall-ħaddiema tal-Air Malta kienet meta, minn wara dahar kulħadd, il-Gvern innegozja u waqqaf kumpanija oħra tal-ajru u semmieha Malta Air. Pass li qed ikun meqjus bħala vot ieħor ta’ sfiduċja fil-ħaddiema mill-Gvern ta’ Muscat.
L-impjegati huma ffastidjati wkoll minħabba li t-twaqqaf tal-Malta Air sar mingħajr negozjati ma’ ħadd u b’ħafna ħabi minn wara dahar kulħadd. Fost l-oħrajn, il-Piloti kellhom jirrikorru għall-azzjonijiet industrijali biex jesprimu t-tħassib tagħhom dwar kif qed jitħaddmu.
Fi tmiem Ġunju li għadda, ħaddiema tal-Air Malta talbu garanzija bil-miktub dwar l-impjieg tagħhom mal-linja nazzjonali tal-ajru. Huma qed jinsistu mal-Gvern għal laqgħa, anke fid-dawl tat-twaqqif tal-Malta Air.
//= $special ?>
