Lokali

Ċertifikat Ewropew għall-Iskola Primarja ta’ San Pawl il-Baħar

St. Paul's Bay Primary Malta

L-Iskola Primarja ta’ San Pawl il-Baħar fil-Kulleġġ Maria Regina rebħet il-European Language Label Award – Award li jingħata mill-Aġenzija tal-Programmi tal-Unjoni Ewropea, wara selezzjoni minn ġurija internazzjonali mill-Kumissjoni Ewropea – lil dawk li joħolqu tagħlim innovattiv fir-rigward tal-lingwi.

Din l-iskola, se tingħata ċertifikat Ewropew, iffirmat mill-Kummissarju Ewropew għall-edukazzjoni u l-kultura, f’ċerimonja li ser tkun qed issir f’pajjiżna fix-xhur li ġejjin.

‘Kuntenti Flimkien’ kien l-isem tal-proġett li wassal għal dan, fejn l-iskola wriet kif għalkemm għandha numru kbir ta’ studenti barranin, sabet mod kif xorta tgħallimhom il-Malti. Fl-applikazzjoni tagħha, l-iskola tkellmet dwar metodi u strateġijji li jgħinuha tasal għal dan.

Il-proġett issa se jitniżżel fid-database tal-Kummissjoni Ewropea bħala mudell eżemplari ta’ tagħlim.

Iċ-Ċertifikat Ewropew huwa premju li jinkoraġġixxi inizjattivi ġodda fil-qasam tat-tagħlim u t-tagħlim tal-lingwi, jippremja tekniki ġodda fit-tagħlim tal-lingwi, ixerred l-għarfien tal-eżistenza tagħhom u b’hekk jippromwovi prattika tajba.

Iċ-Ċertifikat huwa miftuħ għall-aspetti kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ, irrispettivament mill-età jew il-metodi użati, bl-enfasi ewlenija tiegħu hija li tippromwovi l-innovazzjoni fit-tagħlim tal-lingwi – Billi tappoġġja proġetti innovattivi, fuq livell lokali u nazzjonali, iċ-Ċertifikat jipprova jgħolli l-istandards tat-tagħlim tal-lingwi madwar l-Ewropa.

Kull sena, it-Tikketta tingħata lill-aktar proġetti innovattivi ta’ tagħlim tal-lingwi f’kull pajjiż li jipparteċipaw fl-iskema – Koordinat mill-Kummissjoni Ewropea, imma ġestit mill-Istati Membri individwali, bil-ġuriji nazzjonali jiddeċiedu dwar kriterji dettaljati.