Lokali

€687,795 b’risq id-Dar tal-Providenza

Ġiet fi tmiemha l-edizzjoni ta’ din is-sena tal-maratona tal-volleyball tad-Dar tal-Providenza – b’kollox inġabru €687,

795.

Din kienet il-11-il edizzjoni tal-maratona fejn fiha ħadu sehem bosta personalitajiet u players tal-volleyball. Magħżula kien hemm 40 player tal-volleyball f’maratona li bdiet il-ġimgħa filgħaxija u li damet għaddejja 53 siegħa.

Ritratt: Martin Agius

F’kummenti li ħadna m’għand Fr Martin Micallef, Id-Direttur tad-Dar tal-Providenza, hu saħaq li jinsab sodisfat għal din is-somma rekord li nġabret u filwaqt li rringrazzja lil kull min ta sehmu, wiegħed lill-poplu Malti u Għawdxi li din il-ġenerożità ser tkun qed tissarraf f’aktar ħidma favur il-persuni b’diżabilità biex dejjem ikollhom l-aqwa ħajja possibbli.

Fr Martin qalilna wkoll li din il-maratona ma tkunx suċċess kieku ma kienx għal madwar 200 voluntier.

Is-somma miġbura żgur li ser tkun qed tgħin fil-bżonnijiet finanzjarji b’risq il-persuni b’diżabilità li jagħmlu użu mis-servizzi ta’ din id-dar – din is-sena, is-somma miġbura ser tkun qed tintuża biex tinfetaħ id-dar fil-komunità tal-Balluta filwaqt li hemm pjanijiet biex jinfetħu aktar djar.

Waqt il-Maratona, il-plejers u t-tmexxija tad-Dar kellhom żjara wkoll mill-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia.

F’messaġġ qasir, hu faħħar il-ġenerożità tal-poplu b’risq din id-Dar “tal-Maltin u l-Għawdxin kollha”, anke fid-dawl tal-ispejjeż ma jonqsu xejn u l-isfidi li din tħabbat wiċċha magħhom ta’ kuljum.

Barra minhekk, hu faħħar ukoll l-impenn tal-plejers li ma jaqtgħux qalbhom mid-diffikultajiet tas-sħana u l-lejl u jibqgħu għaddejjin b’din il-Maratona.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien akkumpanjat mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għaż-Żgħażagħ u l-Isport Ryan Callus u ddawwar mal-post mid-Direttur tad-Dar tal-Providenza Dun Martin Micallef.

Apparti volleyball, din il-maratona kellha fiha spettaklu u divertiment.

Id-Dar tal-Providenza ilha għal dawn l-aħħar 51 sena tgħin lil persuni b’diżabilità.