Sport Sport Ieħor

Halep ittemm l-avventura ta’ Gauff

(Ritratt: EPA)

L-avventura mill-aqwa ta’ Cori Gauff f’Wimbledon intemmet b’telfa kontra l-eks sid numru wieħed Simona Halep. Ir-Rumena għelbet lill-Amerikana ta’ 15-il sena 6-3, 6-3 u fil-kwarti tal-finali tilgħab kontra ċ-Ċiniża Zhang Shuai.

Fil-mixja tagħha mal-aħħar 16, Gauff rebħet kontra Venus Williams, Magdalena Rybarikova u Polona Hercog. Hi kienet qed tittama li ssir l-iżgħar tennista minn żmien Jennifer Capriati fl-1991 li tavvanza sal-kwarti tal-finali ta’ Wimbledon.

Wara l-logħba, Gauff qalet li ma kinitx qed tħossa tajba iżda xorta pruvat l-aħjar tagħha. Hi kompliet li tgħallmet ħafna kif tilgħab quddiem folla kbira u kif tilgħab taħt pressjoni.

Għalkemm din il-logħba kienet probabbilment l-aktar mistennija, tispikka l-eliminazzjoni tas-sid numru wieħed Ashleigh Barty li tilfet kontra l-Amerikana Alison Riske. Is-sid numru 55 fid-dinja ssieltet minn set minn taħt u rebħet 3-6, 6-2, 6-3 f’siegħa u 36 minuta u għaddiet għall-ewwel kwarti tal-finali tagħha f’Grand Slam.

Barty tal-anqas għandha l-konsolazzjoni li se tibqa’ fil-quċċata tar-rankings tad-dinja wara li Karolina Pliskova tilfet ukoll fir-raba’ rawnd. Riske tilgħab kontra s-seba’ darbiet rebbieħa Serena Williams wara li l-Amerikana għelbet lill-Ispanjola Carla Suarez Navarro 6-2, 6-2.

Pliskova sfat megħluba minn Karolina Muchova 4-6, 7-5, 13-11. Il-konfront kollu Ċek kien logħba bogħod milli jsir l-ewwel konfront f’Wimbledon li jkun deċiż bir-regola l-ġdida li jilagħbu bit-tie-break jekk ikunu bi skor ta’ 12-12.

Iżda s-sid numru 68 fid-dinja rebħet b’forehand biex għalqet il-logħba fi tliet sigħat u 17-il minuta biex għaddiet għall-ewwel kwarti tal-finali fil-karriera. L-avversarja tagħha se tkun is-sid numru tmienja Elina Svitolina li għaddiet wara rebħa ta’ 6-4, 6-2 fuq Petra Martic.

Il-Belġjana Elise Mertens rebħet 4-6, 7-5, 6-2 kontra Barbora Strycova u tilgħab kontra Johanna Konta li rebħet kontra d-darbtejn rebbieħa Petra Kvitova 4-6, 6-2, 6-4. Iċ-Ċiniża Zhang Shuai se tilgħab kontra Halep wara rebħa ta’ 6-4, 1-6, 6-2 kontra l-Ukrena ta’ 19-il sena Dayana Yastremska.

Kwarti tal-finali

Għada

Alison Riske v Serena Williams

Elina Svitolina v Karolina Muchova

Barbora Strycova v Johanna Konta

Simona Halep v Shuai Zhang