Lokali

Iktar kritika dwar sistema Parlamentari li ma tiffunzjonax kif suppost

Parlament imneżża’.

Hekk iddeskriva l-għola istituzzjoni ta’ pajjiżna il-Kummissarju Għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika b’referenza għall-mod kif Membri Parlamentari tiegħu jingħataw jobs ta’ konsulenzi u Positions of Trust fis-settur pubbliku,

L-editorjal tat-Times of Malta bit-titlu “Ix-xiri tas-silenzju tal-Membri Parlamentari tagħna” jitkellem dwar ir-rapport ta’ George Hyzler.

L-editorjali jibda billi jghid li “in-norma tad-demokrazija Parlamentari twassal għal governanza tajba. Meta dawn in-normi jitgħawġu jew jintremew, meta l-Parlamentari tagħna ma jistgħux jiġu afdati aktar sabiex jirrappreżentaw l-interessi tal-poplu, hu inevitabbilment ikun hemm abbuż tal-poter u n-nies komuni jispiċċaw isofru inġustizzji”.

L-editorjal ikompli billi jisħaq illi l-inkompetenza, il-korruzzjoni, il-ħela tal-flus imħallsa mill-poplu f’taxxi, in-nuqqas ta’ kontabbiltà u s-sens ta’ impunità, jiġifieri li l-Membri Parlamentari jaħdmu f’sens ta’ sigurtà li ma jista’ jmisshom ħadd, huma biss ftit mill-konsegwenzi ta’ sistema Parlamentari li ma tiffunzjonax.

Ir-reazzjoni tal-Gvern għal dan ir-rapport ta’ kundanna kienet puerili skont l-editorjal, li jistaqsi kif, fid-dawl tal-kritika tal-Kummissarju maħtur mill-Gvern stess, Joseph Muscat u sħabu, wara l-kritika qawwija li kienu jagħmlu lill-aħħar amministrazzjoni Nazzjonalista, se jiġġustifikaw il-mod kif sabu triq oħra biex taw żieda lil nieshom billi poġġewhom min chairman ‘l hawn u min chairman ‘l hemm.

Il-Kummissarju fir-rapport tiegħu indirettament kien qed jikkritika lill-Gvern Laburista li fl-2013 biddel il-liġi biex Membri Parlamentari jkunu jistgħu jagħmlu xogħol ta’ konsulenza u jitpoġġew f’Positions of Trust.

L-editorjal itemm jgħid li l-Gvern, l-Oppożizzjoni u l-iSpeaker għandhom id-dmir lejn pajjiżna li jqaċċtu dak li hu kunflitt ta’ interess ċar ta’ dawn il-Membri Parlamentari u li l-Kummissarju għall-Istandards jrid jibqa’ jsus fuq dan il-proċess sabiex jissalvagwardja l-prinċipji u l-ispirtu tal-Kostituzzjoni ta’ Malta.