Il-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici ma speċifikax min se jkun qed imexxi l-inkjesta pubblika dwr il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Meta kien qed iwieġeb mistoqsijiet parlamentari tad-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi, il-Ministru Owen Bonnici qal li filwaqt li l-gvern għandu riservi dwar ir-rapport fuq Malta, jirrispetta lill-Kunsill tal-Ewropa u sostna li l-gvern kien ċar li r-rapport kien fih ħafna ineżattezzi u ħafna li m’humiex minnhom.
L-attentat ta’ Jason Azzopardi biex ikun hemm mekkaniżmu ta’ sorvelja fuq Malta ma seħħx għaliex kien hemm maġġoranza ta’ deputati li vvutaw kontra l-proposta ta’ Jason Azzopardi. Il-Ministru Bonnici qal li Jason Azzopardi hu Malti u għalhekk għandu jaġixxi b’mod responsabbli.
Fuq punt ta’ informazzjoni Jason Azzopardi ċaħad li hu ppropona dik il-proposta. Il-Ministru Bonnici qal li Jason Azzopardi fil-fatt ivvota f’minoranza favur il-proposta biex tapplika l-proċedura ta’ sorvelja fuq Malta. Il-Ministru Bonnici qal li Jason Azzopardi jitkellem b’kattiverija fuq pajjiżna u dan mhux il-mod kif deputat għandu jitkellm fuq pajjiżu.
Il-Ministru Owen Bonnici qal li l-gvern se jimxi b’kawtela dwar l-inkjesta u għalhekk il-gvern se jsieħeb mal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-inkjesta dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Dwar l-aċċess li tliet ministri kellhom aċċess għall-inkjetsa Egrant meta dan ma kienx pubblikat, il-Ministru Owen Bonnici qal li l-ministri involuti diġà wieġbu domandi fil-parlament dwar dan il-punt u għalhekk m’hemm xejn x’jiżdied ma’ dak li qalu.
Hu qal li Jason Azzopardi hu deputat, għandu wkoll aċċess għal dokumenti privileġġjati u kemm il-darba juża informazzjoni li jkun kiseb b’mod privileġġjat biex sawwat lill-gvern. Il-Ministru Bonnici qal li għandu raġun il-Kap tal-Oppożizzjoni jgħid li m’għandux ħin x’jaħli ma’ Jason Azzopardi.
Il-Ministru Owen Bonnici qal Jason Azzopardi ivvota favur li fuq Malta jkun hemm proċedura ta’ monitoraġġ li fl-istorja intużat darba waħda biss fuq it-Turkija.
//= $special ?>