Il-kowċ ta’ Hajduk Split Siniša Oreščanin jittama li t-tim iżomm mal-aspettattiva li għandu u jirbaħ kontra Gżira United, dan minkejja li ma jistax jipprevedi x’se jiġri.
Minħabba li l-kampjonat tagħhom ftit aktar minn ġimgħa oħra, Hajduk Split kellhom iwaqqfu parzjalment il-preparazzjoni tagħhom biex jiffukaw f’din il-logħba.
L-akbar żvantaġġ li skont Oreščanin għandhom il-Kroati, hu li l-aħħar filmati li għandhom ta’ Gżira huma tal-istaġun li għadda u għalhekk minħabba li għandhom xi plejers differenti kif ukoll il-kowċ ma għandhomx stampa eżatt tal-avversarji.
Fattur ewlieni fil-konfront tal-lum hi s-sħana, bil-kowċ Kroat jgħid li l-kundizzjonijiet tat-temp se jkunu għaż-żewġ timijiet u għalhekk ma jarax li kienet problema. Oreščanin jinsab sodisfatt bil-preparazzjoni tat-tim anki jekk damu anqas minn xahar.
Il-plejer Brażiljan Jairo qal li f’dawn l-aħħar ġimagħtejn kellhom l-opportunità li jidħlu u jadattaw fir-ritmu tal-logħba. Il-plejer offensiv qal li huma jinsabu ffukati fuq il-logħba u jinsabu f’pajjiżna biex jirbħu.
Fl-iskwadra ta’ Hajduk Split hemm il-midfielder Hamza Barry, wiċċ familjari mal-futbol Malti hekk kif lagħab għal żewġ staġuni ma’ Valletta bejn l-2013 u l-2015. Il-plejer mill-Gambja ilu ma’ Hajduk Split għal dawn l-aħħar żewġ staġuni.
Din mhux se tkun l-ewwel esperjenza ta’ Hajduk Split f’pajjiżna hekk kif fl-istaġun 1975/76 kienu lagħbu fl-ewwel rawnd tat-Tazza taċ-Champions kontra Floriana fejn kienu rebħu ż-żewġ logħbiet 3-0 u 5-0.
Seba’ staġuni wara telgħu fl-ewwel rawnd tat-Tazza UEFA kontra Żurrieq u wkoll ħarġu rebbieħa fiż-żewġ logħbiet bl-iskor ta’ 4-0 u 4-1. L-aħħar logħbiet kontra avversarju Malti ntlagħbu fl-istaġun 2008/09 fl-ewwel rawnd tat-Tazza UEFA u kienu għelbu lil Birkirkara 4-0 u 3-0. Hajduk Split rebħu sitt darbiet il-kampjonat Kroat u t-Tazza tal-Kroazja, bl-aħħar kampjonat jintrebaħ fl-istaġun 2004/05.
//= $special ?>