Lokali

Il-Periti jippersistu dwar il-bżonn ta’ tibdil fil-liġi

Il-Kamra tal-Periti għadha qed tinsisti li jeħtieġ iktar tibdiilet fl-Avviż Legali li nieda bl-għaġla l-Gvern, f’mument ta’ paniku wara li kien ħalla kollox għaddej għal tant żmien.

Dan qaluh il-Periti fi stqarrija fejn qed jipproponu soluzzjonijiet sabiex tiġi indirizzata l-islowdown fl-industrija tal-bini.

Fost kwistjonijiet li qed tinsisti fuqhom il-Kamra tal-Periti hemm dawk dwar x’għandhom ikunu r-responsabbilatjiet u l-kompetenzi tal-Uffiċjal Tekniku fuq is-Sit, kjarifiċi dwar l-ispeċifikazzjoniet Tekniċi li jrid jipprepara l-Perit u dawk dwar il-Metodu ppreparat mil-kuntrattur u li permezz tagħhom juri kif ser jaħdem sabiex jimplimenta u jilħaq speċifikazzjoijiet meħtieġa, kif ukoll distinzjoni ċara  bejn xogħol permanenti u dak temporanju.

Il-Periti talbu wkoll li jiġu tranġati diversi inkonsistenzi fl-Avviż Legali bejn il-verżjoni bil-Malti u dik bl-Ingliż.

Fid-dawl ta’ dan, il-Kamra tal-Periti qed titlob aktar laqgħat mal-Gvern tul il-ġimgħa li ġejja sabiex jiġu ndirizzati dawn l-aspetti.

Madankollu l-Ministru Ian Borg diġa ddikkjara li m’għandu l-ebda intenzjoni li jbiddel xi ħaġa minn dan l-avviż.

Fi tliet ġimgħat il-Kamra tal-Periti kellha żewġ Laqgħat Ġenerali Straodinarji li għalihom attendew madwar 400 perit kull darba.  Il-laqgħat kellhom l-għan li jevalwaw l-avviż legali li ħareġ il-Gvern bi ftit li xejn konsultazzjoni magħhom.

Fid-dawl ta’ dan kollu, il-Kamra ħejjiet abbozz għal Avviż Legali ġdid li jipprovdi qafas għall-proċessi, l-informazzjoni u t-taħriġ li hemm bżonn sabiex jintlaħqu l-miri neċessarji.

Fl-aħħar jiem il-komunità internazzjonali tal-arkitetti għamlet dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ għall-pożizzjoni li qed tiehu l-Kamra tal-Periti f’Malta, u faħħritha għax-xogħol tagħha biex tassigura li r-responsabbiltajiet fuq is-siti tal-kostruzzjoni isegwu linji stabbiliti skont prassi internazzjonali.