Lokali

Il-PN jawgura lill-Gvern il-ġdid Grieg

EPP

Fi stqarrija maħruġa mill-Kelliem tal-Opożizzjoni dwar l-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ, Carmelo Mifsud Bonnici flimkien mas-Segretarja Internazzjonali tal-PN, Roselyna Borg Knight, il-Partit Nazzjonalista awgura lill-Gvern il-ġdid Grieg li se jkun immexxi minn Kyriakos Mitsotakis tan-Nea Demokratia.

L-istqarrija kompliet tgħid li, Kryiakos Mitsotakis, huwa politiku ta’ esperjenza u li se jkun impenjat sabiex jilħaq l-aspirazzjonijiet tal-poplu Grieg li qed iħares ‘il quddiem għal ġejjien ekonomiku aħjar. Poplu li għadda minn ħafna diffikultajiet ekonomiċi kbar – Wieħed li tul l-aħħar amministrazzjoni tal-Partit Nazzjonalista sab lil pajjiżna spalla valida fl-għawġ tiegħu.

Kyriakos Mitsotakis huwa ħabib tal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia u tal-Partit Nazzjonalista. Flimkien inħarsu li nsaħħu r-rabtiet tajba bil-ħidma fil-Partit Popolari Ewropew. Il-PN jawgura mill-ġdid ħidma mill-aqwa għall-Gvern il-ġdid fil-Greċja b’impenn lejn il-gustizzja socjali, il-ħolqien tax-xogħol u l-ħarsien tal-valuri komuni taghna, temmen tgħid din l-istqarrija.