Sport Sport Ieħor

It-tlieta l-kbar javvanzaw mal-aħħar tmienja ta’ Wimbledon b’mod konvinċenti

(Ritratt: EPA)

It-tliet tennisti l-kbar Roger Federer, ir-rebbieħ tas-sena l-oħra Novak Djokovic u Rafael Nadal komplew javvanzaw b’rebħiet faċli fil-fażi tal-aħħar 16. Federer għeleb lit-Taljan Matteo Berrettini 6-1, 6-2, 6-2, Djokovic rebaħ 6-3, 6-2, 6-3 kontra l-Franċiż Ugo Humbert filwaqt li Nadal rebaħ 6-2, 6-2, 6-2 kontra l-Portugiż Joao Sousa.

Federer li wasal mal-aħħar tmienja f’Wimbledon għas-17-il darba, kellu bżonn biss siegħa u 14-il minuta f’dik li probabbilment kienet l-aħjar prestazzjoni mit-tlieta ta’ fuq. Dawn it-tliet tennisti rebħu bejniethom 53 Grand Slams bejniethom u fit-tliet logħbiet, sofrew biss break point kontrihom.

Mit-tmien tennisti li fadal, ħamsa minnhom għandhom aktar minn 30 sena, hekk kif it-tennisti ta’ 31 sena Sam Querrey u Roberto Bautista Agut jikkwalifikaw ukoll.

Querrey li wasal sas-semifinali fl-2017 rebaħ kontra l-Amerikan Tennys Sandgren 6-4, 6-7, 7-6, 7-6 u jilgħab kontra Nadal fir-rawnd li jmiss. Bautista Agut wasal mal-aħħar tmienja f’Wimbledon għall-ewwel darba b’rebħa ta’ 6-3, 7-5, 6-2 fuq il-Franċiż Benoit Paire, filwaqt li David Goffin ta’ 28 sena, rebaħ 7-6, 2-6, 6-3, 6-4 kontra Fernando Verdasco.

L-aħħar post fil-kwarti tal-finali nkiseb mill-Arġentin ta’ 29 sena Guido Pella li għeleb lill-finalist ta’ tliet snin ilu Milos Raonic 3-6, 4-6, 6-3, 7-6, 8-6 fi tliet sigħat u 42 minuta, f’dik li kienet l-ewwel kwarti tal-finali tiegħu fi Grand Slam.

Kwarti tal-finali

L-Erbgħa

Novak Djokovic v David Goffin

Guido Pella v Roberto Bautista Agut

Sam Querrey v Rafael Nadal

Kei Nishikori v Roger Federer