It-Tuneżija eliminat lil Ghana permezz tal-għoti tal-penalties biex fil-kwarti tal-finali tilgħab kontra l-Madagascar. Il-gowlkiper Farouk Ben Mustapha kien il-protagonist meta daħal għall-għoti tal-penalties u salva l-penalty ta’ Caleb Ekuban.
It-Tuneżini kienu ftit sekondi bogħod milli jirbħu fil-ħin regolamentarji iżda s-sostitut Rami Bedoui tefa’ fix-xibka tiegħu stess b’daqqa ta’ ras fil-ħin miżjud. Huma kienu marru minn fuq fit-73 minuta b’gowl ta’ Taha Yassine Khenissi jiskorja wara kross ta’ Wajdi Kechrida.
L-attakkant ta’ Leeds United Ekuban kien l-unika plejer li falla mill-għaxra li taw il-penalties, b’Ferjani Sassi jiskorja l-penalty rebbieħ. B’hekk it-Tuneżija tinsab mal-aħħar tmienja mingħajr ma rebħet logħba fid-90 minuta.
Fil-logħba l-oħra, Wilfried Zaha skorja l-gowl tar-rebħa hekk kif il-Kosta tal-Avorju rebħet kontra l-Mali 1-0 biex huma saru l-aħħar nazzjon li għadda għall-kwarti tal-finali. Mal-aħħar tmienja huma jilagħbu kontra l-Alġerija.
Il-Kosta tal-Avorju, rebbieħa tal-kompetizzjoni fl-1992 u l-2015, avvanzat mill-grupp wara li temmet fit-tieni post minħabba telfa ta’ 1-0 kontra l-Marokk.
Zaha skorja kwarta mit-tmiem meta antiċipa l-ħarġa tal-gowlkiper Djigui Diarra wara li rċieva bir-ras mingħand Jonathan Kodjia b’konsegwenza ta’ free-kick fit-tul ta’ Sylvain Gbohouo. Il-Mali falliet okkażjonijiet tajba minn Moussa Marega u Moussa Djenepo.
L-aħħar 16
Mali v Kosta tal-Avorju 0-1, Ghana v Tuneżija 1-1 (It-Tuneżija tirbaħ 5-4 bl-għoti tal-penalties)
Kwarti tal-finali
L-Erbgħa: Senegal v Benin 6.00pm, Niġerja v Afrika ta’ Isfel 9.00pm
Il-Ħamis: Kosta tal-Avorju v Alġerija 6.00pm, Madagascar v Tuneżija 9.00pm
//= $special ?>