Lokali

Libjan jispiċċa l-ħabs wara li qajjem kjass fl-emerġenza tal-Isptar Mater Dei

Raġel ta’ nazzjonalità Libjana li l-Ġimgħa li għadda ddaħħal l-Isptar Mater Dei…intbaghat il-habs wara li nstab hati li kkaġuna diversi ħsarat waqt li kien fl-Emergenza.

Il-Libjan ta’ 26 sena kien ittieħed l-isptar permezz ta’ ambulanza minħabba li kien sofra xi ġrieħi f’idu waqt li allegatament kien fis-sakra.

Fil-Qorti ħareġ illi l-imputat qabżitlu wara li qalulu li ried jistenna biex jingħata l-kura, għax pretenda li jinqeda mill-ewwel. Intqal li l-inċident ma kienx jeskala li kieku ttieħdet azzjoni biex jitwaqqaf il-hrug tad-demm.

L-imputat naqas milli jobdi l-ordnijiet tal-Pulizija, u ta daqqa ta’ ponn fuq tieqa u fuq il-bieb tar-reception, bil-konsegwenza li kisser xi ħġieġ.

L-imputat wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih, bil-Qorti tiċħadlu t-talba għall-ħelsien mill-arrest.