Futbol Sport

Nirrispettaw lill-avversarji imma mhux se nibżgħu minnhom – Giovanni Tedesco, kowċ ta’ Gżira United

(Ritratt: Martin Agius)

Konxju mis-saħħa tal-avversarji iżda Giovanni Tedesco jinsab kunfidenti li Gżira United jista’ jkollhom prestazzjoni pożittiva u jżommu t-tamiet għat-tieni leg li jikkwalifikaw għar-rawnd li jmiss. Tedesco se jkun qed jagħmel id-debutt uffiċjali għada bħala kowċ ta’ Gżira United kontra Hajduk Split.

Tedesco qal li quddiemhom se jsibu probabbilment l-aktar avversarju diffiċli li setgħu jilagħbu kontih, b’kundizzjoni fiżika aħjar minħabba li l-kampjonat Kroat se jibda għaxart ijiem oħra. Minkejja dan, il-kowċ Taljan bħal dejjem ikun determinat f’kull logħba u żied li se jirrispettaw l-avversarji iżda mhux se jkunu qed jibżgħu minnhom.

Hu għad irid jiddeċiedi fuq l-aqwa formazzjoni għal għada u kompla li hu jiddeċiedi biss il-11-il plejer li se jilagħbu, siegħa u nofs qabel il-logħba. Tedesco tenna l-kuntentizza tal-iskwadra li għandu, speċjalment bil-plejers Maltin. Dwar Amadou Samb, Tedesco qal li hu tajjeb iżda mhux se jibda l-konfront għaliex irid li jkun fl-aħjar kundizzjoni għall-bidu tal-istaġun.

Giovanni Tedesco kellu kliem ta’ tifħir għal Darren Abdilla u Jesmond Zerafa li kienu ż-żewġ kowċis li wasslu biex Gżira se jilagħbu dan il-konfront. Hu kkonferma li t-tim se jilgħab b’mod differenti minħabba li kull kowċ għandu l-ħsibijiet tiegħu.

Preżenti wkoll il-captain ta’ Gżira United Andrew Cohen li laqqam dan il-konfront bħala l-logħbiet li plejer għandu jilgħab. Hu żied li t-tim jinsab preparat għal din il-logħba u analizzawhom tajjeb.

Tedesco kellu quddiemu flokk ta’ Palermo, il-klabb li miegħu lagħab għal erba’ staġuni u temm il-karriera bħala plejer. Il-klabb ta’ Palermo sfaxxa minħabba problemi finanzjarji, xi ħaġa li Tedesco jiddispjaċih u għalhekk żied li l-ġest żgħir li seta’ jagħmel biex jaħseb f’dawk kollha li ħadmu għal dan il-klabb, hu li jkollu l-flokk tal-klabb quddiemu.

(Ritratt: Martin Agius)