Lokali

Riforma fiċ-Ċertifikat tal-Matrikola li jingħata lil studenti li jtemmu is-Sixth Form

Daqshekk proġett tas-‘Systems of Knowledge’ u żieda ta’  lingwa barranija apparti l-Malti u l-Ingliż sabiex wieħed ikun jista’ jkompli bl-istudji tiegħu fl-Universita’.

Dawn kienu tnejn mill-ħames proposti li qed jagħmel id-dipartiment tal-MATSEC fl-Universita’ bhala bidla fl-ezami tal-Matrikola.

Is-suġġett magħruf bħala SOK ser jiġi ristrutturat u ser jkollu enfasi akbar fuq il-ħiliet tas-seklu 21.

Se jiġu introduċuti ukoll ‘co-curricular activities’ li jinkludu involviment volontarju kemm waqt u wara l-ħin tal-iskola. Sabiex wieħed jirċievi it-3 punti addizzjonali għal maċ-ċertifikat tal-Matrikola marbuta ma din l-attivita’, wieħed irid jagħmel mill-anqas 80 siegħa ta’ attivita’ u jrid jiġi issorveljat minn tutor.

Sabiex wieħed ikun jista’ jkompli bl-istudji tiegħu u jġib iċ-ċertifikat tal-matrikola, wieħed irid jistudja ukoll lingwa barranija apparti l-Malti u l-Ingliż. Il-MATSEC introduċiet 4 suġġetti ġodda ta’ proficiency sabiex tkun aktar faċli għall-istudenti biex jagħżlu.

Skema oħra li ser tiġi introdotta hija dik fejn atleti professjonali li jkunu ser ikomplu l-istudji tagħhom fuq l-isport, jistgħu jiggwadanjaw 10 punti addizzjonali maċ-ċertifikat tagħhom u jistgħu wkoll jistudjaw suġġett inqas fil-livell intermedju. Dan kollu iżda jekk l-atleti jagħmlu mill-inqas 10 sigħat taħriġ fil-ġimgħa.

Apparti mill-‘coursework’ li diversi suġġetti diġa għandhom, dan issa ser jiġi introdott f’kull suġġett sabiex imbagħad 20% tal-marka finali tkun minn naħa tal-assessjar tal-iskola. Suġġetti li diġa għandhom persentaġġ tal-marki mill-coursework, dan il-persentaġġ ser jibqa’ l-istess u ma jintmisx.

Il-MATSEC qed tilqa’ r-rispons minn naħa tal-pubbliku rigward dan it-tibdil li mistenni jidħol fis-seħħ is-sena d-diehla. Il-feedback qed jintlaqa’ permezz ta’ stharrig li jista’ jsir onlajn, bir-risposti jintlaqghu sal-aħħar ta’ Lulju.