Lokali

AĠĠORNATA: Kellu fil-pusses 23kg kannabis u €45,000 fi flus kontanti

Aġġornata mill-Qorti.

Justin Farrugia ta’ 28 sena residenti l-Belt Valletta se jinżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti t-Tlieta waranofsinhar akkużat b’kollox bi tnax-il akkuża, fost l-oħrajn li kellu madwar 23 kilogramma pjanta tal-kannabis lesta biex tkun ittraffikata, 100 gramma kokaina u €45,000 fi flus kontanti.

Farrugia qed jiġi akkużat ukoll li rreżista u uża vjolenza fuq tliet uffiċjali tal-pulizija waqt il-qadi ta’ dmirijiethom.

Huwa ġie akkużat ukoll li saq il-vettura b’mod traskurat u perikoluż u mingħajr liċenzja, u li kkaġuna ħsarat fuq għadd ta’ vetturi oħrajn. L-akkużat, fil-Qorti għażel li ma jwieġeb għall-ebda domanda.

Quddiem il-Maġistrat Simone Grech, l-Ispettur spjega li l-pulizija mit-taqsima ta’ kontra l-vizzju tad-droga kienu qed isegwu lill-akkużat. Qal li kienu segwewh wara li ħareġ minn blokka ta’ garraxxijet, u wara kellu jieqaf għax daħal go triq one way u ħabat f’karozza oħra. L-ispettur qal li ġo garaxx il-pulizija sabu l-flus u l-kokajina, waqt li fil-vettura li kien qed isuq instabet il-kannabis.

Il-Qorti laqgħet it-talba tal-prosekuzzjoni biex tissekwestra b’mod ġenerali flejjes u l-proprjetà mobbli jew imobbli tiegħu.

Għall-akkużat qed jidher l-avukat Arthur Azzopardi.

Dak li ttella’ qabel.

Mumenti li kien mimlija tensjoni, b’tiri sparati u 4 karozzi mkissra. Hekk kienet deskritta s-sitwazzjoni tal-bieraħ fil-limiti ta’ San Ġwann għall-ħabta tal-11.30am.

Illum se jitressaq il-Qorti ż-żagħżugħ li lbieraħ ġie arrestat mill-iskwadra ta’ kontra d-droga. Permezz ta’ stqarrija il-Pulizija qalet li dan iż-żagħżugħ għandu 28 sena u residenti l-Belt Valletta.

Huwa ġie mwaqqaf waqt li kien qiegħed isuq il-vettura tiegħu f’San Ġwann. Il-Pulizija għamlet tfittxija fil-vettura u nstabu madwar 23 kilogramma pjanta tal-cannabis lesta biex tiġi traffikata, 100 gramma kokajina u €45,000 fi flus kontanti.

Iż-żagħżugħ qed jitressaq b’akkużi relatati ma’ pussess aggravat tad-droga, li għamel ħsara volontarja fuq propjetà ta’ terzi, fixkel il-Pulizija filqadi ta’ dmirijithom u li rreżista l-arrest fost akkużi oħra.

Il-Maġistrat tal-Għassa Rachel Montebello qed tmexxi l-inkjesta, filwaqt li ħatret diversi esperti biex jassistuha.

Tags