Futbol Sport

Ċans li Alba ma jilgħabx ma’ Birkirkara minkejja li ffirma kuntratt magħhom

Minkejja li Miguel Alba fl-aħħar jiem kien ippreżentat minn Birkirkara, il-programm sportiv ta’ Net Television Replay jinsab infurmat li l-plejer jista’ ma jilgħabx ma’ dan il-klabb. Din il-paġna żvelat li bħalissa teżisti sitwazzjoni kkumplikata hekk kif il-plejer ħalla pajjiżna lejn il-Bolivja mingħajr permess tal-klabb u warajh ħalla lil martu u lil ibnu jgħixu f’appartament mikri minn Birkirkara.

Malli sar magħruf dan, il-plejer qal lill-klabb Malti li r-raġuni hi waħda relatata ma’ saħħet ommu, li tgħix sagħtejn bogħod mill-Bolivja u allura jixtieq jingħaqad ma’ klabb f’dan il-pajjiż biex ikun eqreb tagħha. Replay żvelaw ukoll l-interess minn dan il-klabb li Alba jixtieq jingħaqad miegħu, Club Deportivo Jorge Wilstermann, kien diġà jeżisti meta għażel li jingħaqad mal-Istripes.

Iżda mal-wasla tiegħu fil-Bolivja, jidher li Alba ħeba l-fatt li kien iffirma dan il-kuntratt mal-Istripes u beda jittratta kuntratt ġdid ma’ Club Deportivo Jorge Wilstermann. Dawn tal-aħħar filfatt ħarġu stqarrija uffiċjali fejn jiddikjaraw li waqqfu l-offerta tal-kuntratt lill-plejer sakemm jiċċara s-sitwazzjoni. Sorsi fi ħdan Birkirkara ddikjaraw ma’ din il-paġna li Alba għandu kuntratt u allura, jiġri x’jiġri, l-Istripes se jkunu qed jaraw li jitħarsu l-interessi tal-klabb.

Fi stqarrija, Birkirkara qalu li l-plejer attenda s-sessjonijiet ta’ taħriġ kollha minn meta ffirma sas-Sibt li għadda. Huma qalu li Alba ħalla l-pajjiż mingħajr notifika u tħabbar plejer tal-klabb mill-Bolivja Club Deportivo Jorge Wilstermann. Birkirkara kienu nfurmati mill-mara tal-plejer li Alba ħalla l-pajjiż minħabba li ommu kienet ma tiflaħx u t-Tnejn irċevew rikjesta uffiċjali minn dan il-klabb fil-Bolivja dwar is-sitwazzjoni tal-plejer.

Miguel Alba kien ħalla lil Valletta wara li talab paga ogħla milli kellu għax qal li kien ħaqqu wara li rebaħ l-Aqwa Plejer Barrani tal-MFA fl-istaġun li għadda. Valletta kienu rrifjutaw li jonoraw din it-talba.