GŻIRA UNITED…………… 0 HAJDUK SPLIT…………… 2
Gżira: J. Haber, Z. Scerri, R. Soares, F. Barbosa, A. Oyama, G. Conti (A. Cohen 72’), J. Corbalan, N. Muscat (S. Borg 83’), H. Kone, R. Adeyemo (E. Sakyi 62’), J. de Assis
Hajduk Split: T. Duka, S. Juric, O. Svatok (S. Simic 75’), A. Ismajli, D. Bradaric (I. Dolcek 62’), D. Nejasmic, H. Barry, B. Jradi, Jairo, A. Gyurcso (F. Tahiraj 67’), I. Delic
Imwissija: S. Juric 73’, I. Dolcek 95’ (H)
Skorjaw: A. Gyurcso 44’, I. Dolcek 96’ (H)
Referee: Gal Leibovitz (Iżrael)
Assistenti Referees: Tom Adi, Moshe Bohbot (Iżrael)
Gowl qabel tmiem kull taqsima spiċċaw kienu d-differenza bejn Gżira United u Hajduk Split. Ir-rebħa għall-Kroati kienet meritata minħabba li kellhom l-inizjattiva tul il-konfront, anki jekk ftit ħolqu periklu lil Justin Haber. Iżda l-gowl lejn it-tmiem żgur li tappan il-prestazzjoni tal-Maroons.
Gżira ddefendew b’għaqal madankollu ftit kienu żbilanċjati biex jattakkaw għalkemm kellhom okkażjonijiet li setgħu ġabu d-draw fit-tieni taqsima. Is-sħana kellha wkoll effett fuq l-andament tal-logħba li kajman f’ħafna ħin.
Il-kowċ Giovanni Tedesco ħareġ b’sistema ta’ 4-3-1-2, b’Zach Scerri jibda fuq il-lemin tad-difiża, Juan Corbalan u Niki Muscat enerġetiċi f’nofs il-grawnd flimkien ma’ Gianmarco Conti. Ridwaru Adeyemo beda wara Hamed Kone u Jefferson de Assis, bil-Brażiljan jispiċċa aktar attakkant waħdu. Fit-tieni 45 minuta, Kone u Adeyemo fetħu aktar mal-linji.
Fl-ewwel taqsima Hajduk Split iddominaw il-logħba bil-pussess iżda ftit kienu ta’ periklu għal Justin Haber. Gżira kienu ddixiplinati u bdew jippruvaw joperaw bil-kontrattakk li kien diffiċli minħabba li min beda jkollu l-ballun ftit kien hemm moviment ta’ sħabu.
Wara żewġ xuttijiet konsekuttivi fil-baxx ta’ Jairo u Hamza Barry fl-ewwel għaxar minuti li kienu salvati minn Haber, Juan Corbalan kellu xutt li għadda għoli fit-22 minuta. Żewġ minuti wara, Gżira ħolqu azzjoni tajba bi kross ta’ Zach Scerri mil-lemin, b’Ridwaru Adeyemo jogħla iżda d-daqqa ta’ ras għaddiet fuq il-lasta.
Man-nofs siegħa logħob, okkażjoni oħra għal Gżira b’kontrattakk li minnu Adeyemo qassam lejn Hamed Kone li kkontrolla iżda x-xutt finali għadda għoli. L-ewwel opportunità vera tal-Kroati waslet fis-37 minuta bi kross fil-baxx ta’ Bassel Jradi lejn Adam Gyurcso li ra x-xutt tiegħu jgħaddi fuq il-mimduda.
Hajduk Split ingħataw penalty fit-43 minuta meta xutt ta’ Gyrcso ħabat ma’ id Kone bir-referee ġustament jordna penalty. Mill-11-il metru nkariga ruħu l-istess ADAM GYURCSO li kellu x-xutt salvat parzjalment minn Haber iżda l-ballun reġa’ ġie għandu wara li ħabat mal-wieqfa u skorja mingħajr diffikultà.
Qabel tmiem l-ewwel taqsima t-tim ta’ Orescanin mar qrib li jirdoppja b’Jradi jgħaddi lejn Ivan Delic fil-kaxxa iżda tal-aħħar dam jaħsibha biex jikkonkludi u d-difiża Gżirjana blokkat fil-ħin.
Għalkemm Hajduk Split reġgħu fetħu t-tieni taqsima bil-pussess, Gżira kellhom ċans tad-deheb li jġibu d-draw meta Hamed Kone rċieva ballun preċiż u spiċċa quddiem Tomislav Duka iżda l-gowlkiper salva fil-ħin, f’azzjoni li Kone seta’ għamel aħjar.
Il-logħba baqgħet ma laħqitx livell għoli, bil-Kroati jibqgħu fil-kontroll tal-logħba filwaqt li Gżira baqgħu jagħlqu l-ispazji. Fid-69 minuta kien is-sostitut Ivan Dolcek li resaq viċin meta rċieva mingħand Barry u prova minn qagħda angolata, bil-ballun jgħaddi tul il-lasta.
Il-kowċ ta’ Gżira Giovanni Tedesco daħħal lil Andrew Cohen flok Gianmarco Conti biex ikun ftit aktar offensiv. Kien proprju l-veteran li fl-74 minuta fetaħ b’intelliġenza lejn Juan Corbalan li kompla lejn id-difensur Fernando Barbosa li b’xutt mill-ewwel għar-rokna għeleb lil Duka iżda l-gowl kien imħassar għal offside.
Gżira rnexxielhom joħorġu ftit mill-qoxra difensiva u fit-82 minuta minn azzjoni ta’ korner, Barbosa qassam lejn Kone li rebaħ dwell u ġie f’pożizzjoni tajba iżda x-xutt ġie mblokkat għal korner fil-ħin.
Hajduk Split għalqu l-logħba bit-tieni gowl meta f’attakk Gżirjan kien passaġġ ħażin ta’ Elvis Sakyi li wassal għal kontrattakk tal-Kroati, b’Hamza Barry javvanza u stenna l-ġirja ta’ IVAN DOLCEK, bis-sostitut jirċievi l-ballun quddiemu u b’xutt fil-baxx għeleb lil Haber li mess il-ballun u spiċċa baqa’ dieħel fix-xibka, fost id-diżappunt evidenti tal-kowċ Giovanni Tedesco.
//= $special ?>