Lokali

Jitnaddfu l-graffiti madwar il-Belt Valletta … iżda jibqa’ ma jinstabx iż-żagħżugħ li għamilhom

Għadu ma nstabx ir-raġel li għaddejja tfittxija għalih b’rabta mal-mewġa ta’ vandaliżmu li kien hemm fil-Belt Valletta fl-aħħar jiem. Minkejja l-appell tal-Pulizija u minkejja li għaddejja tfittxija intensiva għalih, ir-raġel … li jidher sew f’dawn il-filmati … għadu ma nstabx.

Diversi ħaddiema t-Tnejn filgħodu sebħu f’bosta toroq fil-Belt Valletta biex ineħħu ‘l fuq minn 40 att vandalu li saru. Dawn il-graffitti kienu kollha kitba b’lingwa suspettata li hija Ġappuniża … u saru mill-istess persuna. Ir-raġel hu maħsub li huwa barrani. It-toroq li saru l-graffitti fihom huma Triq San Pawl, Triq San Nikol, u Triq San Ursola.

Dawn il-graffitti jidher li huma parti minn tendenza li qed issir minn diversi individwi madwar l-Ewropa f’diversi bliet. Madanakollu, mhux magħruf x’kien l-iskop, u jekk kienx hemm xi messaġġ speċifiku warajhom.

L-att vandalu sar fuq diversi bibien antiki, ħitan u propjetà oħra fil-Belt bejn il-lejl tal-Ġimgħa u s-Sibt tal-ġimgħa l-oħra. F’dan l-att ta’ vandaliżmu, kienu diversi r-residenzi, imma wkoll postijiet storiċi u turistiċi, li ġarrbu l-ħsara.

Fil-filmati, ir-raġel deher jitlajja ħdejn ħajt, bħallikieku jistenna li ħadd ma jarah u wara ftit sekondi kiteb fuq l-istess ħajt.

Il-persuna li għamlet il-graffitti nqabdet fuq kameras tas-sigurtà li kien hemm fi triq minnhom iżda s’issa jidher li għad ma saru l-ebda arresti rigward dan il-każ.Il-filmati kollha ttieħdu għand il-Pulizija, li minn naħa tagħha għaddejja b’ħidma biex tiddentifika lil dan ir-raġel.