Lokali Qorti

Libjan ikkundannat tliet snin ħabs

Libjan ta’ 38 sena kien ikkundannat tliet snin ħabs wara li nstab ħati li seraq handbag ta’ kantanta f’Paceville.

Munir Mohamed Ali Gammudi kien ġie mixli b’dan il-każ … li seħħ fit-18 ta’ Frar ta’ sena ilu. Dakinhar f’Paceville, mal-kantanta Mikaela Attard kien hemm ukoll il-ħabiba tagħha Monica Agius.

Il-każ kien ħoloq furur fuq il-media soċjali, b’Mikaela Attard tikteb illi l-Libjan kien prova joqtolha.

Għalkemm il-Libjan kien akkużat li ipprova jagħti bil-mus lill-kantanta, il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech għamlitha ċara li għandha dubji kemm dan kien minnu anke għall-fatt li vittma ta’ aggressjoni b’mus ma ddumx tliet sigħat tixrob fil-post fejn inqabad l-aggressur tagħha.

Fil-fatt, il-Qorti m’emmnitx lit-tfajliet li Munir Mohammed kien ta daqqiet bil-mus fl-istonku ta’ waħda minnhom, u li din ma ġralha xejn għax kellha l-kowt. L-Avukat Ġenerali wkoll kien ta’ din il-fehma, tant li tneħħiet l-akkuża ta’ attentat ta’ qtil.

Il-Qorti qieset iżda li Munir Mohammed huwa riċediv, fejn diġà nstab ħati ta’ żewġ reati oħra. Fir-rigward tas-saħħa mentali tiegħu, il-Qorti qalet li għandu bżonn intervent immedjat għax huwa ta’ theddida għas-soċjetà u għalih innifsu.

Minbarra li bagħtet lil Munir Mohammed tliet snin ħabs, il-Qorti ordnat ukoll il-ħruġ ta’ ordni ta’ trażżin fil-konfront taż-żewġ tfajliet, kif ukoll li jiġi mgħarraf il-Kummissarju għas-Saħħa Mentali.

Il-prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Ispetturi Matthew Spagnol u Nikolai Sant.