Lokali

Raġel ta’ 49 sena jaqa’ minn fuq scaffolding

Raġel ta’ 49 sena sofra ġrieħi gravi wara li waqa’ minn fuq scaffolding. L-inċident seħħ dalgħodu għall-ħabta tat-tmienja fi Triq is-Salini, in-Naxxar.

Il-Pulizija tad-Distrett marret minnufih fuq il-post u minn stħarriġ preliminari li sar, irriżulta li raġel, residenti Pembroke, weġġa’ wara li waqa’ minn għoli ta’ madwar sular minn fuq scaffolding. Jidher li f’dak il-ħin ir-raġel kien qed jagħmel xi xogħlijiet fil-gallarija tal-istess residenza.

Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet lir-raġel l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa. Iktar tard huwa ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi ta’ natura gravi.

L-investigazzjoni tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadha għaddejja.