Sport Sport Ieħor

Riżultati sodisfaċenti minn Jalen Kickboxing Club

Ftit jiem ilu ġie organizzat tournament ta’ ġlidiet ta’ ħbiberija wuma.org fil-klabb Wu Shu Ky fil-Mosta. Jalen Kickboxing Club kienu fost il-parteċipanti b’total ta’ tmien kickboxers. Dawn kienu Lea Scerri, Lexie Zerafa, Kirsten Chircop, Cain Tippett, Clint Ascolese, Yurik Bonnici, Ritmay Spiteri u Eman Sciberras. L-ewwel tlieta ħarġu rebbieħa filwaqt li Tippett spiċċa draw. Dan it-tournament serva ta’ preparazzjoni għal dawk li se jiġġieldu fil-futur.

Parteċipazzjoni oħra ta’ dan il-klabb kien fit-23 edizzjoni ta’ Gladiators Fight Night f’Kordin. B’kollox ħadu sehem tliet kickboxers, b’Marley Benner jirbaħ fil-kategorija tal-31 kg għal tfal ta’ 10 snin. Jaid Agius kellu l-ġlieda mħassra minħabba li l-avversarju kellu problema fil-piż. Sportivament Agius iġġieled xorta minkejja d-differenza fil-piż u tilef il-ġlieda mhux b’deċiżjoni unanima.

L-atleta l-ieħor kien Miloš Anić fil-kategorija tat-62kg. Hu rebaħ lill-avversarji Taljan fi ġlieda ta’ tliet rawnds ta’ tliet minuti. Fil-futur qrib Anić mistenni jissielet għal titlu Ewropew.