Lokali Qorti

Tajru bil-karozza u baqa’ sejjer

Hagen Azzopardi, li għandu 25 sena ngħata l-ħelsien mill-arrest, wara li ġie akkużat li weġġa’ gravi lil Josef Borg meta tajru bil-karozza u baqa’ sejjer.

Il-każ seħħ nhar il-Ħadd li għadda fid-9.00pm, waqt il-festa ta’ Ħal Luqa, b’Azzopardi jinqabad mill-Pulizija fl-Imsida inqas minn siegħa wara. Flimkien miegħu kien hemm it-tfajla tiegħu, li wkoll ġiet miżmuma għal xi ħin.

L-istorja ta’ dan il-kaz ta’ hit and run kienet zvelata t-Tnejn minn Net News. Issa hareg li Borg huwa l-eks sieħeb tat-tfajla ta’ Azzopardi, u li allegatament dan kien baqa’ jagħtiha fastidju.

Minbarra li tajjar lil Josef Borg u saq b’mod perikoluż, Azzopardi kien akkużat ukoll li għamillu ħsara fuq oġġetti personali u li għamel ħsara wkoll fuq tliet karozzi ta’ terzi.

Azzopardi wieġeb mhux ħati u talab il-ħelsien mill-arrest, liema talba ġiet milqugħa b’għadd ta’ kundizzjonijiet, fosthom depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €1,500. Huwa jrid jiffirma wkoll l-għassa tal-Imsida tliet darbiet fil-ġimgħa u ma jistax joħroġ bejn is-7.30pm u s-6.00am.

Il-Qorti kienet ippreseduta mill-Maġistrat Simone Grech, filwaqt li l-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Paul Camilleri. Għall-akkużat qed jidhru l-avukati Franco Debono u Marion Camilleri.