Futbol Sport

Tielemans plejer ta’ Leicester b’mod permanenti

(Ritratt: Leicester City)

Leicester iffirmaw b’mod permanenti lill-internazzjonali Belġjan Youri Tielemans mingħand Monaco għal somma rekord tal-klabb ta’ madwar €45 miljun. Tielemans li ffirma kuntratt ta’ erba’ snin, skorja tliet gowls fi 13-il logħba ma’ Leicester meta kien b’self magħhom fl-istaġun li għadda.

Hu sar it-tielet akkwist tagħhom f’dan is-sajf wara Ayoze Perez mingħand Newcastle u James Justin mingħand Luton Town. Tielemans kien l-aħħar akkwist ta’ Puel bħala manager ta’ Leicester meta ngħaqad magħhom b’self f’Jannar li għadda, b’Puel jitkeċċa x-xahar ta’ wara u kien mibdul minn Brendan Rodgers.

Tielemans kien beda l-karriera ma’ Anderlecht u sar l-iżgħar plejer Belġjan li lagħab fiċ-Champions League fl-età ta’ 16-il sena u 148 ġurnata. Il-midfielder lagħab ukoll 23 logħba mat-tim nazzjonali Belġjan u kien fl-iskwadra Belġjana fl-aħħar Tazza tad-Dinja.