Futbol Sport

Valletta fl-azzjoni llum fiċ-Champions League kontra Dudelange

(Ritratt: Valletta FC)

Illum iċ-champions Maltin Valletta jkunu fl-azzjoni fil-Lussemburgu kontra Dudelange fl-ewwel logħba tal-ewwel rawnd tal-UEFA Champions League. Valletta waslu l-Lussemburgu l-Ħadd u kellhom sessjoni dakinhar u oħra lbieraħ bi preparazzjoni għal dan il-konfront.

Din il-logħba se timmarka d-debutt uffiċjali ta’ Darren Abdilla bħala kowċ tal-Beltin. Mill-iskwadra tal-istaġun li għadda kien hemm ftit bidliet, bl-akkwisti Kevin Tulimieri u Douglas Packer ikunu nklużi fit-tim flok Miguel Alba u Raed Saleh. Neqsin mill-iskwadra hemm id-difensur Ryan Camilleri u l-attakkant Bojan Kaljevic.

Fl-istaġun li għadda, Dudelange kienu lagħbu fil-fażi tal-gruppi tal-UEFA Europa League kontra Milan, Olympiacos u Real Betis wara li kienu bdew proprju mill-ewwel rawnd tal-UEFA Champions League. Dudelange, rebbieħa tal-aħħar erba’ kampjonati tal-Lussemburgu, se jkunu qed jilagħbu kontra avversarju Malti għall-ewwel darba.

Il-partita ta’ ritorn tintlagħab it-Tlieta 16 ta’ Lulju fit-8.00pm fis-Centenary Stadium. Ir-rebbieħ ta’ dan il-konfront jilgħab fit-tieni rawnd kontra Ferencvaros jew Ludogorets. It-tim eliminat ikompli l-avventura Ewropea fit-tieni rawnd tal-UEFA Europa League kontra r-rebbieħ bejn Nomme Kalju jew Shkendija.

Skwadra ta’ Valletta

Gowlkipers: Henry Bonello, Yenz Cini

Difensuri: Jean Borg, Steve Borg, Jonathan Caruana, Enmy Pena Beltre, Joseph Zerafa

Midfielders: Shaun Dimech, Santiago Malano, Jeremy Micallef, Antonio Monticelli, Rowen Muscat, Douglas Packer, Nicholas Pulis, Kevin Tulimieri

Attakkanti: Mario Fontanella, Kyrian Nwoko, Matteo Piciollo