Futbol Sport

Valletta jirkupraw żvantaġġ doppju fil-Lussemburgu kontra Dudelange

(Ritratt: Valletta FC)

DUDELANGE…………… 2 VALLETTA………………. 2

Dudelange: T. Kips, C. Stumpf, T. Schnell, R. Delgado, M. Bouchouari, M. Garos (C. Morren 76’), D. Stolz, S. Bougrine (D. Sinani 65’), M. Pokar, B. Barbosa, A. Bettaieb (L. Pomponi 84’)

Valletta: H. Bonello, E. Pena Beltre, S. Borg, J. Borg, J. Zerafa, R. Muscat, S. Malano (N. Pulis 52’), D. Packer (A. Monticelli 83’), K. Tulimieri (S. Dimech 62’), M. Fontanella, K. Nwoko

Imwissija: K. Tulimieri 15’, S. Borg 46’, R. Muscat 67’ (V), M. Garos 63’, R. Delgado 66’ (D)

Tkeċċa: R. Muscat 89’ (V)

Skorjaw: A. Bettaieb 26’, D. Stolz 45+2’ (D), D. Packer 64’, J. Borg 70’ (V)

Referee: Arnold Hunter (Irlanda ta’ Fuq)

Assistenti Referees: Gareth Eakin, David Anderson (Irlanda ta’ Fuq)

Valletta kisbu riżultat importanti fit-tamiet tagħhom li jikkwalifikaw għat-tieni rawnd tal-UEFA Champions League meta rkupraw minn żvantaġġ doppju biex kisbu draw ta’ 2-2 kontra t-tim mil-Lussemburgu Dudelange fi Stade Josy Barthel.

Dan kien it-tielet riżultat konsekuttiv mingħajr telfa għal Valletta barra minn darhom f’kompetizzjoni Ewropea. Fl-istaġun li għadda huma kienu spiċċaw 0-0 fl-Albanija kontra Kukesi fl-ewwel rawnd taċ-Champions League u 1-1 kontra Zrinjski Mostar fil-Bożnja fit-tieni rawnd tal-Europa League.

Dan kien id-debutt uffiċjali bħala kowċ għal Darren Abdilla ma’ Valletta. Hu għażel li jibda lil Jean Borg fil-qalba tad-difiża ma’ Steve Borg. Il-midfielder Douglas Packer li ddebutta b’gowl kif ukoll Kevin Tulimieri lagħbu l-ewwel logħba bil-flokk Belti.

Il-Beltin kienu mingħajr id-difensur Ryan Camilleri u l-attakkant Bojan Kaljevic li huma mweġġgħin. Fatt interessanti kien li meta l-iskor kien 2-0 fit-tieni taqsima, Abdilla daħħal liż-żewġ żgħażagħ Nicholas Pulis u Shaun Dimech.

Dudelange fetħu l-iskor fis-26 minuta meta Abel Bettaieb irċieva mingħand Mario Pokar u ma tax ċans lil Henry Bonello, biex fit-tieni minuta tal-ħin miżjud Dominik Stolz irdoppja l-iskor.

Valletta naqqsu d-distakk fl-64 minuta bi free-kick preċiż ta’ Douglas Packer. Dan il-gowl barra minn darhom kien importanti għat-tim Belti iżda huma saħansitra ġabu d-draw fis-70 minuta, bid-difensur Jean Borg jidħol tajjeb għal korner mix-xellug ta’ Packer u għeleb lil Tim Kips mill-viċin.

Valletta spiċċaw il-logħba b’raġel anqas wara li fid-89 minuta tkeċċa Rowen Muscat għat-tieni karta safra u b’hekk se jitlef il-partita ta’ ritorn li tintlagħab it-Tlieta 16 ta’ Lulju fis-Centenary Stadium fit-8.00pm.

Fit-tieni rawnd ir-rebbieħ jilgħab kontra Ferencváros or Ludogorets, bit-tellief ikompli l-avventura Ewropea fit-tieni rawnd tal-UEFA Europa League kontra Nõmme Kalju jew Shkëndija.