Serena Williams ma kelliex l-aqwa prestazzjoni tagħha iżda kien biżżejjed għaliha biex tgħaddi għas-semifinali ta’ Wimbledon. Hi għelbet lil Alison Riske 6-4, 4-6, 6-3 u fis-semifinali tilgħab kontra ċ-Ċeka Barbora Strycova u għadha biċ-ċans li tirbaħ it-tmien titlu f’Wimbledon u l-ewwel Grand Slam minn Jannar tal-2017.
Strycova rebħet 7-6, 6-1 kontra l-Britannika Johanna Konta. Il-Britannika kienet 4-1 minn fuq fl-ewwel set iżda tilfet il-vantaġġ kif ukoll is-set b’tie-break. Fit-tieni set hi krollat biex reġgħet falliet meta l-aspettattiva kienet għolja. Għal Strycova din se tkun l-ewwel semifinali tagħha fi Grand Slam.
Is-sid numru sebgħa Simona Halep tinsab fis-semifinali ta’ Wimbledon għall-ewwel darba mill-2014 wara rebħa ta’ 7-6, 6-1 fuq Zhang Shuai. Halep kellha tirkupra minn bidu ħażin hekk kif kienet 4-1 minn taħt u rebħet il-konfront f’siegħa u 26 minuta.
L-avversarja tagħha se tkun l-Ukrena Elina Svitolina li aċċertat postha mal-aħħar erbgħa wara li għelbet lil Karolina Muchova 7-5, 6-4. Bħal Halep, Svitolina bdiet fuq id-difiża, tilfet iż-żewġ logħbiet meta kellha s-service u kienet 5-2 minn taħt, sakemm irkuprat. Din hi l-ewwel darba li Svitolina qabżet l-aħħar 16 f’Wimbledon u kontra Halep se tkun l-ewwel semifinali tagħha fi Grand Slam.
//= $special ?>