Lokali

58 pazjent Malti qed jingħataw kura f’Londra

Il-President ta’ Malta George Vella u s-Sinjura tiegħu jinsabu f’Londra fejn din il-gimgha ltaqgħu mal-pazjenti Maltin li qed jiġu rikoverati f’diversi sptarijiet. Bħalissa hemm 58 pazjent li qed jingħataw kura f’Londra.

Il-President kellu kliem ta’ tifħir għall-impenn li qed juru l-ħaddiema ta’ dawn l-isptarijiet u radd ħajr għall-isforzi li qed jagħmlu ta’ kuljum biex il-pazjenti Maltin ikollhom l-aqwa kura possibbli, u tama għall-fejqan fl-iqsar żmien possibbli.

L-ewwel li żaru kien l-Isptar Great Ormond fejn hemm rikoverati tfal li qed jingħataw kura għall-marda tal-kanċer, kundizzjonijiet tal-qalb u każi oħra t’emerġenza. Huma żaru lill-pazjenti żgħar, li mill-bidu ta’ din is-sena kienu jaqbżu l-40 tifel u tifla.

Fl-isptar nazzjonali tan-Newroloġija, ltaqgħu mal-konsulent Malti Ludvic Zrinzo li ilu 20 sena jgħix u jaħdem Londra. Dan il-konsulent huwa wieħed minn fost l-aktar professjonisti speċjalizzati fil-kirurġija tal-mard fil-moħħ, u f’dan l-isptar din is-sena ġew rikoverati mat-30 pazjent Malti.

Fl-isptar Royal Marsden f’Sutton, il-President ltaqa’ mal-pazjenti li jingħataw kura għal-leukaemia, li mill-bidu tas-sena kienu jammontaw għal madwar 20.

Filwaqt li qed jkomplu jżuru iktar sptarjiet, il-President u s-Sinjura Vella qed jiltaqgħu mal-pazjenti u l-qraba tagħhom fl-appartamenti ta’ Puttinu, kif ukoll għand is-Sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesù f’Londra.

Ritratt: DOI
Ritratt: DOI