Sport Waterpolo

Benji Cachia hu ż-żagħżugħ ħabrieki li kull tim għandu bżonn plejer bil-kwalitajiet tiegħu

(Ritratt: Trevor Sollars)

Determinat, Attiv u Dedikat. Kollha kredenzjali tal-plejer Benji Cachia li fl-età ta’ 17-il sena qed jistabbilixxi ruħu, bħala parti integrali mit-tim ta’ Sliema. Benji hu iben Josie Cachia, l-eks gowlkiper ta’ Sliema u Plejer tas-Sena tal-2009 li fil-karriera tiegħu kaxkar diversi unuri. Din ir-raġuni żgur kienet importanti biex Benji Cachia qed jilgħab il-waterpolo. Fil-bidu beda jipprova dan l-isport fis-sajf biss u meta kellu 14-il sena waqaf jipprattika l-għawm u kompla fuq il-waterpolo.

Benji Cachia għamel id-debutt ma’ Sliema fil-Kampjonat tax-Xitwa tal-2017 u sussegwentament beda jidħol fit-tim fil-Kampjonat tas-Sajf fl-età ta’ 15-il sena. Is-sena l-oħra, hu lagħab ma’ Ta’ Xbiex fl-Ewwel Diviżjoni biex jilgħab aktar b’mod regolari u skorja seba’ gowls fil-Kampjonat tax-Xitwa u tmien gowls fil-Kampjonat tas-Sajf fl-Ewwel Diviżjoni. Fl-Enemed Cup ta’ din is-sena ma’ Sliema, Cachia skorja disa’ gowls u fil-Kampjonat tax-Xitwa sab ix-xibka erba’ darbiet oħra. Sa issa f’dan is-sajf, iż-żagħżugħ ta’ Sliema niżżel ismu fost l-iskorers tliet darbiet.

(Ritratt: Martin Agius)

“Hu plejer li dawn l-aħħar sentejn għamel progress enormi, plejer li biddel totalment il-viżjoni kif jara l-partita, biddel totalment il-viżjoni kif kif jaġixxi fil-partita. Sar plejer prominenti wkoll fit-tim nazzjonali tal-Under 17 tiegħi,” iddeskriva liż-żagħżugħ il-kowċ nazzjonali Malti Karl Izzo.

Fl-età ta’ Benji Cachia, kull plejer ikollu bżonn jikber fiżikament biex ikun jista’ jlaħħaq mal-avversarji f’termini ta’ saħħa, anki għaliex il-logħba tal-waterpolo hi waħda fiżika. “Mis-sena d-dieħla jrid jikber fiżikament. Karatteristiċi tajbin tiegħu huma l-għawm, l-intelliġenza u l-viżjoni tal-logħba,” kompla Afric.

X’inhi l-aħjar pożizzjoni ta’ Benji Cachia?

Il-kowċ ta’ Sliema Sergio Afric hu tal-idea li għalissa jilgħab kullimkien għaliex jemmen li għalissa jrid jitgħallem kull pożizzjoni. Iżda Afric jgħid li Cachia kapaċi jilgħab f’kull irwol u jemmen li dan hu importanti fl-iżvilupp ta’ plejer żagħżugħ.

Karl Izzo jagħmel l-istess mat-tim nazzjonali. Hu jżid li jużah l-aħħar raġel ukoll għaliex għandu saqajh tajbin u jqisu wieħed mill-ftit plejers li jista’ jilgħab kullimkien.

L-aħħar raġel hi l-pożizzjoni favorita ta’ Benji Cachia iżda jgħid li hu kuntent li jaqdi l-kowċ u lit-tim bl-aħjar mod possibbli minħabba li qed jilgħab fejn hemm bżonn.

(Ritratt: Jo Aquatic)

Il-mument preżenti ta’ Sliema

Fl-aħħar snin, il-klabb ta’ Sliema għadda minn mumenti diffiċli f’termini ta’ rebħ ta’ unuri. Huma ilhom mill-2009 ma jirbħu l-Kampjonat tas-Sajf, mill-2013 ma jirbħu n-knock-out u mill-2014 ma jirbħu l-Kampjonat tax-Xitwa, bl-aħħar unur jasal fl-2015 bir-rebħ tat-Tazza tal-President. Żagħżugħ bħal Benji x’jaħseb li kienet l-aktar problema tal-klabb fl-aħħar snin?

“L-ikbar problema ta’ Sliema kienet li t-tim ma kellux dedikazzjoni u ma kelliex voglia biex tirbaħ imma issa naħseb, dawn l-affarijiet inbidlu u bil-mod il-mod l-affarijiet qed isiru aħjar, bil-prestazzjonijiet tajbin li qed ikollna u bl-attitudni tajba li qed ikollna fit-training u fil-logħob ukoll.”

Din il-pożittività ta’ Cachia ġejja mill-ħsibijiet ta’ kowċ espert bħalma hu Sergio Afric li tkellem dwar il-filosofija tiegħu għall-klabb ta’ Sliema f’dan il-mument.

“Biex skwadra tikber speċjalment dik ta’ Sliema, kien hemm bżonn jinbidel xi ħaġa. Jien fl-iskwadra tfajt ħames plejers taħt l-20 sena biex it-tim ikun aktar żagħżugħ u qed nibbaża aktar fuqhom. Huma l-futur ta’ Sliema u magħhom intejbu l-affarijiet. Imbagħad jekk ma jiġix ir-riżultat paċenzja, nippruvaw is-sena d-dieħla, imma l-importanti li l-mentalità nbidlet,” qal Afric.

Għalkemm f’dan l-istaġun Sliema mhux meqjusa bħala l-favoriti għar-rebħ tal-unuri, Cachia jemmen li bħalissa jistgħu jagħtu logħba lil kulħadd. “Nistgħu ngħidu li ħa nkunu tajbin ħafna u kif rajna mas-Sirens, nistgħu nirbħu ma’ kulħadd, jiġifieri forsi mhux ħa nkunu l-favoriti imma ħa nkunu hemmhekk niġġieldu għall-ewwel post.”

(Ritratt: Trevor Sollars)

Il-bilanċ bejn l-iskola u l-isport

Benji Cachia għadu kemm spiċċa l-ewwel sena fis-Sixth Form. Fil-futur, il-plejer ta’ 17-il sena jixtieq li jsiefer biex jilgħab il-waterpolo barra minn Malta tal-anqas għal sena, iżda kkonferma li għalissa qed jiffoka fuq l-iskola kif ukoll fuq il-waterpolo.

F’din l-età ta’ Cachia, kull żagħżugħ ikun irid jiddeċiedi l-futur tiegħu iżda fl-isport isib il-mistrieħ meħtieġ minħabba skeda impenjattiva mill-att akkademiku. “L-isport jgħini ħafna speċjalment biex nieħu break mill-istudju. Importanti jkollok bilanċ tajjeb bejn l-istudju u l-isport għax inkella ma jgħinekx tagħmel it-tnejn.”

Benji Cachia jgħid il-verità kemm hu diffiċli biex jinstab bilanċ iżda saħaq li “jekk trid dejjem hemm possibbiltà u jekk vera trid tagħmel it-tnejn jirnexxielek għax dejjem issib ħin biex tagħmel kollox.”

Il-preġji ta’ dan iż-żagħżugħ

“Forsi Benji ma tantx idaħħal ismu fuq l-iscorers sheet, imma l-element ta’ steals li jagħmel fid-defence, blocks, counter-attacks u d-dirty work, speċjalment id-dirty work huwa xi ħaġa li forsi nies tekniċi jarawh iktar milli nies bħala supporters. Imma emmini għandek bżonn plejers bħal dawn,” saħaq Izzo.

Tal-istess opinjoni hu Sergio Afric li jlaqqmu bħala plejer veru promettenti, għandu futur sabiħ quddiemu u matur mentalment. “L-aktar ħaġa pożittiva hi li jimpenja ruħu ħafna fit-taħriġ, hu serju fit-taħriġ u jrid jitgħallem u jagħti l-massimu f’kull sessjoni. Din hi karatteristika tajba għall-futur tiegħu.”

L-irwol li jilgħab plejer bħal Benji Cachia fil-pitch, mhux dejjem jispikka iżda kowċis tekniċi bħal Izzo u Afric, żgur li japprezzaw il-kwalitajiet tiegħu u jekk jibqa’ juri titjib kostanti, għad nisimgħu ħafna iktar dwar dan iż-żagħżugħ fil-futur.

Din l-intervista hi bbażata fuq is-servizz Stilel tal-Futur li jixxandar waqt il-programm Man Up+ fuq Net Television https://netondemand.mt/play/3184

Tags