Roger Federer u Rafael Nadal se jiltaqgħu kontra xulxin f’Wimbledon għall-ewwel darba mill-finali tal-2008 wara li t-tnejn rebħu l-konfronti tagħhom u għaddew għas-semifinali. Dakinhar kien Nadal li rebaħ 9-7 fil-ħames set, f’logħba li x-xita ħalliet l-effett tagħha u b’kollox damet kważi seba’ sigħat.
Bejniethom rebħu Wimbledon għaxar darbiet. Is-semifinali l-oħra se tkun kontestata bejn Novak Djokovic u Roberto Bautista Agut. Din hi l-ewwel darba fi 12-il sena li Djokovic, Federer u Nadal kollha jinsabu fis-semifinali u tikkonferma d-dominju tagħhom fl-aħħar snin.
Federer rebaħ 4-6, 6-1, 6-4, 6-4 kontra Kei Nishikori f’dik li kienet il-100 rebħa tiegħu fl-All England Club filwaqt li Nadal għeleb lill-Amerikan Sam Querrey 7-5, 6-2, 6-2.
“Għandna ħafna informazzjoni fuq Rafa kif hu għandu fuqna. Għalhekk tista’ tagħmel jumejn taħseb dwar tattika jew tgħid se noħroġ u nilgħab it-tennis tiegħi,” qal Federer. Nadal fuq in-naħa l-oħra sostna li jinsab eċċitat li jilgħab kontra Federer għal darba oħra f’Wimbledon.
Novak Djokovic kien break minn taħt fl-ewwel set iżda rnexxielu jdawwar kollox u għeleb lil David Goffin 6-4, 6-0, 6-2. L-avversarju fis-semifinali jiġifieri Roberto Bautista Agut, rebaħ 7-5, 6-4, 3-6, 6-3 kontra Guido Pella.
Fis-semifinali, Djokovic jibda favorit li jgħaddi għall-finali b’ċans li jirbaħ Wimbledon għall-ħames darba u fl-istess ħin jikseb is-16-il Grand Slam. Bautista Agut għandu jqis li wasal mal-aħħar erbgħa bħala suċċess u għalkemm jitqies bħala l-aqwa mill-kumplament, se jipprova joħloq sorpriża u jelimina lir-rebbieħ tas-sena l-oħra.
//= $special ?>