Formula 1 Sport

Iċ-ċirkwit ta’ Silverstone se jibqa’ fil-kalendarju tal-Formula 1

Il-Grand Prix tal-Gran Britannja se tibqa’ fil-kalendarju tal-Formula 1 wara li ġie ffirmat ftehim ġdid ta’ ħames snin li se jħalli t-tellieqa f’Silverstone. Il-futur tat-tellieqa kien f’dubju fl-aħħar snin u sakemm ma nstabux arranġamenti ġodda, il-Grand Prix ta’ tmiem il-ġimgħa kienet se tkun l-aħħar waħda.

Il-Grand Prix tal-Gran Britannja organizzat l-ewwel tellieqa tal-Formula 1 fl-1950 u ċ-ċirkwit f’Silverstone ilu ċ-ċirkwit permanenti ta’ dan l-avveniment mill-1987. Iċ-ċirkwit ta’ Silverstone hu t-tielet l-aktar ċirkwit li saru Grand Prix fl-istorja tal-Formula 1 wara Monza u Monaco.

Iċ-chairman tal-Formula 1 Chase Carey qal li bħalma qalu dejjem huma, l-isport irid jikkonserva l-postijiet storiċi tiegħu. Hu żied li l-għan tagħhom hu li jkabbru l-isport iżda jżommu l-għeruq u għalhekk Silverstone jinkwadra f’din il-viżjoni.

Il-Formula 1 qalet li trid iżżomm iċ-ċirkwiti klassiċi fl-Ewropa iżda l-kuntratti għat-tlielaq fi Spanja u l-Ġermanja se jiskadu din is-sena. Waħda mill-akbar problemi biex jiġi ffirmat dan il-kuntratt kien minħabba li l-Formula 1 bdiet tħares lejn tellieqa fit-toroq ta’ Londra.