Lokali

Il-Kunsill Ġenerali b’regoli trasparenti u ġusti stabbiliti mill-Istatut u l-Kumitat Eżekuttiv

Ir-regoli tal-elezzjoni tal-Kunsill Ġenerali msejjaħ għas-27 ta’ Lulju li ġej huma stabbiliti mill-Istatut u minn dak li ġie deċiż fil-Kumitat Eżekuttiv. Proċess trasparenti u ġust qiegħed ikun assigurat mit-twaqqif ta’ Kummisjoni Elettorali b’chairperson indipenedenti maqbul b’mod unanimu mill-Kumitat Eżekuttiv, imma anke minn żewġ membri magħżula mill-petizzjonisti ta’ kull naħa, meta l-Kummissjoni dejjem tintgħażel mill-Kumitat Eżekuttiv.

Fi stqarrija, il-PN qal li dan wassal għal iktar sens ta’ trasparenza u kontabbiltà. u għaldaqstant l-insinwazzjonijiet u t-tgħawwiġ tal-fatti huma miċħuda.

Fl-Eżekuttiv kien hemm qbil mal-proposta tal-Kap tal-Partit li għażel li jkun hu stess li jsejjaħ il-Kunsill Ġenerali taht klawsola li tippermettilu jagħmel dan. Dan għamlu anke biex jissorvola d-dubji li qamu dwar il-validità tal-ewwel petizzjoni li kienet tistaqsi jekk għandux jibqa’ fit-tmexxija tal-partit.

L-istqarrija tkompli li Adrian Delia kkonferma li d-domanda dwar it-tkomplija tat-tmexxija tiegħu sal-elezzjoni li jmiss se jipproponiha  hu stess u hekk se jsir.

Dwar il-lista ta’ Kunsillieri, il-PN qal li din ġiet iffriżata skont l-Istatut fl-4 ta’ Lulju 2019 – id-data meta fattwalment issejjaħ il-Kunsill Ġenerali. Minn dakinhar ma’ ġew aċċettati l-ebda bidliet mill-Kumitati li ma’ seħħewx qabel dik id-data.

Il-Kumitati Sezzjonali kif jippermettilhom l-Istatut u kif dejjem sar, għażlu lil dawk li se jirrappreżentawhom fil-Kunsill Ġenerali b’għażla libera, demokratika u fl-aħjar interess tal-partit skont il-fehma tagħhom.

L-istqarrija ttemm li mill-mument li ssejjaħ il-Kunsill Ġenerali u nħatret il-Kummisjoni elettorali, l-listi u l-obbligu tal-verifikazzjoni għaddew għand il-Kummisjoni u l-ebda individwu w uffiċjal m’għandu dritt jibdilhom.