L-Abbozz li jemenda il-liġijiet tal-kera m’hu se ssewwi xejn is-sitwazzjoni li ħoloq il-Gvern stess. Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt intervista fuq il-programm “Magħkom” fuq Net Television.
Adrian Delia iddeskriva s-sitwazzjoni tal-kirjiet bħalissa bħala pjaga soċjali u għal darb’oħra, il-Gvern, għax ma ippjanax fit-tul, qed jgħabbi l-iżbalji tiegħu fuq il-privat.
Adrian Delia qal li minbarra il-proċess ta’ riforma interna, fit-tliet snin li ġejjin, il-Partit Nazzjonalista se jkun proposittiv iktar minn qatt qabel fuq oqsma li jolqtu n-nies direttament bħall-Ambjent, it-Trasport, is-Saħħa u l-Edukazzjoni.
Parti sostanzjali tal-programm kienet dedikata għall-proċess ta’ riforma li beda l-Partit Nazzjonalista. Hu qal li l-PN mhux se jibqa’ immobbli quddiem l-aħħar riżultat elettorali. Adrian Delia kompla li kien hu li sejjaħ il-Kunsill Ġenerali tas-27 ta’ Lulju sabiex ikun hemm diskussjoni miftuħa u tinstab it-triq ‘il quddiem għal Partit Nazzjonalista iktar magħqud.
Dwar il-ħatra u r-rwol ta’ Louis Galea, Adrian Delia ippreċiża li x-xogħol ta’ Louis Galea beda immedjatament bil-ħidma u dawk ir-riformi li jistgħu isiru fl-immedjat, se jkunu implimentati mal-ewwel.
Qal ukoll li l-ħidma tat-tmexxija fil-Partit u fil-Parlament se tkompli. Il-Kap tal-Partit hu wkoll il-Kap tal-Oppożizzjoni li trid tiskrutinja l-operat tal-Gvern. Is-Segretarju Ġenerali għandu r-rwol li jmexxi l-operat tal-Partit. Ir-rwol ta’ Louis Galea hi li janalizza, is-sistemi, l-istrutturi, l-operat u l-policies tal-Partit u jipproponi tibdil.
Dwar l-emendi għar-regolamenti tal-kostruzzjoni, Adrian Delia qal li għal darb’oħra, din hija kwistjoni ta’ nuqqas ta’ ppjanar u issa, wara ħafna snin, il-Gvern qed jirreaġixxi. Hu tkellem ukoll dwar it-tattika tal-Gvern li jressaq kuntratti baxx baxx qabel il-Parlament jaġġorna għall-vakanzi. Fl-aħħar jiem waslu tliet transazzjonijiet ta’ propjeta’: il-Korsa tal-Marsa, il-Lukanda Fortina u l-iSkola Internazzjonali fl-Imtarfa. Hu qal li l-Grupp Parlamentari tal-Oppożizzjoni diġa’ sab numru ta’ difetti kbar f’dawn il-kuntratti.
Mistoqsi dwar il-Liġi dwar l-Avukat tal-Istat, il-Kap tal-PN qal li din il-liġi trid issir f’qafas ta’ pakkett sħiħ u riformi Kostituzzjonali. “Jekk il-liġi issir sew, nibgħatu sinjal tajjeb. Jekk le, il-konsegwenza jistgħu ikunu kbar u koroh.” Hu rringrazzja x-xogħol li qed isir mid-Deputati Jason Azzopardi u Carm Mifsud Bonnici fuq il-Kumitat dwar l-Abbozzi tal-Liġijiet.
//= $special ?>