Lokali

Jibda x-xogħol fuq ir-reġistru tal-kuntratturi

L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi bdiet ix-xogħol dwar il-ġbir ta’ Reġistru dwar il-Kuntratturi.

Waqt Konferenza tal-Aħbarijiet, il-President tal-MDA Sandro Chetcuti qal li r-Reġistru fih erba’ taqsimiet. Reġistru tal-Kuntratturi, Bennejja Liċenzjati, Bennejja Mhux Liċenzjati u Kuntratturi ta’ Tħaffir u Twaqqiegħ.

Sandro Chetcuti qal li l-Avviż Legali li daħal iktar kmieni dan ix-xahar hu biss il-bidu, u l-liġi fuq il-karta trid tiġi segwita b’miżuri konkreti.

Il-President tal-MDA qalet li fl-ewwel jumejn, kien hemm mal-100 sottomissjoni minn operaturi sabiex ikunu reġistrati. Min jirreġistra qed ikun mitlub iħallas miżata ta’ €50.

Mistoqsi dwar x’forma qed tieħu din ir-reġistrazzjoni, Sandro Chetcuti qal li f’dan l-istadju, qed isir stock-take ta’ kulmin qed jaħdem fl-industrija. Fl-istadju ta’ liċenzjar se jsir eżerċizzju ta’ vetting fejn min mhux jaħdem kif suppost jista’ jitlef il-liċenzja.Min-naħa tiegħu, id-Direttur tal-Uffiċċju ta’ Regolamentazzjoni tal-Bini Michael Ferry qal li dan il-pass hu mezz biex tidħol is-serjeta’ fl-industrija. Hu qal li s-serjeta’ iżżid ix-xogħol u dan jgħin biex l-industrija tal-kostruzzjoni tibqa’ sostenibbli.  Ir-Reġistrazzjoni  se tibqa’ miftuħa sal-aħħar ta’ Settembru.