“Hemm bżonn li tipproponu u toħolqu biex tbiddlu l-pajjiż minn issa – Lest li nagħmel dak kollu li nista’ biex taslu għal dan, u tisfruttaw il-potenzjal tagħkom.” – Kien dan il-kliem tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, f’laqgħa li kellu fid-Dar Ċentrali, mal-Kunsill Studenti Universitariji – il-KSU
Din il-laqgħa saret fl-isfont tat-tmiem tas-sena skolastika u l-preparamenti għal waħda ġdida …bil-Kunsill tal-Istudenti jinsisti li ż-żgħażagħ huma l-futur tal-pajjiż. Huma sahqu fuq l-importanza li jiġi użat il-potenzjal tagħhom għaliex dan fil-preżent mhux isir.

Adrian Delia qal li l-isbaħ żmien ta’ ħajtu qattgħu fl-Università ta’ Malta u jifhem kemm hu mportanti li l-istudenti jingħataw aktar spazju… spazju li għandu jingħata bi dritt.
“Ma nixtieqx nara għaqda bħall-KSU tagħmel affarjiet bażiċi għaliex ċert li tista’ tagħmel ħafna aktar” – kompla l-Kap tal-PN.
Hu semma l-importanza li fi żmien tas-Sajf, l-istudenti jaħsbu kif jistgħu jbiddlu l-affarijiet fid-dinja, kif ukoll f’dak li għandu x’jaqsam mal-postijiet tax-xogħol …għaliex huma mimlijin b’saħħa, enerġija u rieda biex verament ibidlu d-dinja għall-aħjar.
Din hija ħolma tal-Kap tal-PN u ser ikun qed jaħdem id f’id mal-istudenti u żgħażagħ minn kull qasam tal-ħajja biex dan it-tragward jintlaħaq malajr kemm jista’ jkun.
Għal din il-laqgħa, il-Kap tal-PN kien akkumpanjat mill-Viċi Kap tal-PN David Agius.
Id-delegazzjoni tal-KSU kienet imexxija mill-President il-ġdid ta’ dan il-kunsill, William Farrugia.
